17.1.06

Ilsien pajjiżi u stejjer oħra

Euro

Ma kelli l-ebda dubju li kienet se tinqata' hekk. Biss, irrid ngħid ukoll li l-inkoraġġiment tal-gvern biex euro - aħna li ma nifhmux fil-finanzi - nispelluha ewro huwa tad-daħq u assurd. Bħal dak li qallu li l-proposta tal-kunsill nazzjonali tal-lingwa tiswa xiħaġa f'dal-pajjiż immexxi biss mill-ministri, teknokrati u l-ġgajta ta' l-omnipotenti.

Nista' nifhem l-għax u l-għaliex ta' dan l-inkoraġġiment. Il-kwistjoni ta' l-ewro hija l-ewwel waħda mqajma minn kunsill li twaqqaf mill-parlament. X'imbarazzament li l-gvern stess ikollu, taħt il-pressjoni tat-teknokrati tiegħu, jopponi l-proposta mressqa minn kunsill imwaqqaf minnu stess! Allura nippruvaw nilħqu kompromess - imġandar veru - biex nakkomodaw in-naħat kollha.

Nistenna bil-ħerqa r-reazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Lingwa, għax fl-aħħar mill-aħħar din kienet telfa għal dan il-Kunsill.


Il-Lingwa bħala identita' nazzjonali

Id-diskors dwar identita' nazzjonali huwa dejjem delikat jekk mhux ukoll riskjuż. Jekk titkellem dwaru dejjem tista' tirriskja li tiġi ttimbrat bħala patrijott u l-patrijottiżmu llum huwa assoċjat mal-movimenti suwed li qegħdin jinbtu f'ċerti rkejjen tal-Blata. Huwa diskors delikat għax il-kwistjoni ta' l-identita' nazzjonali tista' tirrendi ruħha wkoll f'ġabra ta' klixejiet u miti li jibdew jiġġarrfu biż-żmien.


Ta' barra / ta' ġewwa

Imbagħad hemm l-assurdita' l-oħra. F'artiklu li deher fit-Times tal-Ħadd li għadda Inga Boissevain għamlet appell imqanqal ħafna biex il-Maltin jibdew jirrispettaw il-lingwa tagħhom. Inga Boissevain m'hijiex Maltija u kienet qiegħda tgħaddi r-reazzjonijiet tagħha għal kummenti mgħoddija minn Maltin kontra l-lingwa tagħhom stess. Din tibqa' kwistjoni ta' klassi soċjali anki jekk Inga Boissevain, minkejja l-ħafna snin li qattgħet f'Malta, tibqa' ma tistax tniżżel. Il-problema, kif naraha jien, mhijiex fil-fatt li għad hawn ġgajta klassisti li għadhom jemmnu fis-superjorita' tal-lingwa ta' l-Ieħor (tal-kolonjalizzatur fil-każ tagħna) fuq il-lingwa matriċi. Il-problema qiegħda fil-fatt li min juża l-lingwa matriċi qiegħed jużaha ħażin. Imma anki dan l-argument illum sar klixe', anki jekk huwa fatt sagrosant. U allura naħseb li l-Kunsill għandu jitfa' l-isforzi kollha tiegħu fuq min hu responsabbli għat-tixrid tal-lingwa, jiġifieri l-ewwel u qabel kollox il-media.


L-istorja ta' denfil xwejjaħ

F'nofs is-snin sebgħin (!) il-ministeru ta' l-edukazzjoni ta' dak iż-żmien kien ippubblika ktieb ġdid ta' qari bil-Malti għat-tfal tal-klassijiet tal-primarja. Niftakar dak il-jum meta ġie varat il-ktieb. Bil-pompa u l-propaganda tipiċi tar-Reġim, konna ħriġna fil-bitħa ta' l-iskola nisimgħu lis-surmast jgħidilna b'dan il-ktieb li kien inkiteb apposta għalina biex nitgħallmu naqraw u nieħdu gost b'dak li naqraw. Id-Denfil. Illum, tletin sena wara, meta dawk it-tfal li kienu nġabru fil-bitħa ta' l-iskola għall-inawgurazzjoni tal-ktieb mimli stampi koroh bojod u suwed saru missirijiet u wliedhom diġa' diħlin l-universita', dan id-denfil għadu jgħum fil-klassijiet ta' l-iskejjel statali. Kieku m'għandniex kittieba li jipproduċu kotba tajbin għat-tfal ngħid paċenzja. Imma ħarsa fuq fuq lejn il-klassijiet primarji fl-iskejjel privati u tal-Knisja turi storja oħra. Għala sensiela twila ta' ministeri ta' l-edukazzjoni żammew dan l-istatus quo huwa misteru. Forsi hemm wisq interessi li wieħed irid jieħu ħsieb.

5 comments:

Coemgen said...

Forsi hemm wisq interessi li wieħed irid jieħu ħsieb.

Dejjem hemm kienu l-interessi, u sfortunatament nahseb li dejjem hemm ser jibqghu, ghad-detriment taghna l-massa.

Jacques René Zammit said...

Fid-dokumenti ikteb "euro" fil-kcina hallas bl-"ewro".... ma tfakkrekx f'xi haga? Il-lingwa tal-kcina?

Immanuel Mifsud said...

Hekk Jacques, hekk hu.

gybexi said...

Ma tahsibx li iktar importanti dak li jkun jikteb Malti idjomatiku milli orgotrafikament perfett?

IDEALMENT ikun hemm iz-zewg elementi (Malti mexxej b'ortografija tajba) - imma jekk bilfors ikolli naghzel bejn wahda nippreferi malti mexxej milli ortografija perfetta.

U kif ser jinbidlu l-affarijiet? L-ingliz (jew forma ta' ingliz) sar il-lingwa miktuba tal-klassi l-baxxa (jew il-klassi tal-haddiema biex ma nkunx daqshekk salvagg ha..) issa.
Per ezempju s-sit ta' Tista' Tkun Int bl-Ingliz, meta titfacca Montesin (&co) ihobbu jdahhlu xi frazi bl-Ingliz li tinduna jkunu qaluha biex 'jissofistikaw' is-sentenza, ecc.

Ghax ejja ma ndurux mal-lewza: min irid il-Malti? L-intellettwali, il-bloggin, min jahseb... Il-poplu in generali jew ma jridx jew jitnejjek altament.

u tahsbu ha tghaddi taghna? ghalfejn tahseb nofsna qed ighixu barra mela...?

Nikkongratula lill-Inga Boissevain ta' l-ittra taghha. Hi tirrapresenta n-naha l-ohra (il-ftit) ta' l-expats f'Malta: interessata, imaginattiva, intelligenti u progressiva. Biss tirrapresenta minorità... il-bqija ta' l-expats - ix-xjuh ta' 72 sena li kienu second gunners hawn saqsihom humiex kapaci jghidu iktar minn sentenza wahda biex idahqu fil-parties jew iridux il-Malti jiehu s-sopravent u tara x'inhi l-verità. Boissevain tirrapresenta l-intellettwali u l-progressivi fil-pajjiz - ghalhekk ma tantx rajna ittri bhal taghha qabel... imma imnalla jkunu nies bhala. Tlaqna naharqu Kastilja jew? :p

Dejjem nibda nipprova nibqa kalm u logiku fuq din il-kwistjoni imma kwazi dejjem nispicca naffronta dan l-argument b'certu passjoni. X'taghmel eh :)

Immanuel Mifsud said...

Gybexi,

heqq ... x'naqbad nghid? Ghandek ragun.

Ha mmur niehu kolazzjon sadattant.