David Irving
Minn dak li naqra dwar David Irving nieħu l-imressjoni li dal-bniedem miġnun. Smajt bih l-ewwel darba meta xi erba' snin ilu kont qrajt il-ktieb The Holocaust on Trial ta' DD Guttenplan, ktieb dwar il-kawża li Irving kien fetaħ kontra l-Penguin u Deborah Lipstadt. Irving spiċċa arrrestat fl-Awstrija f'Novembru li għadda meta mar biex jagħti sensiela ta' taħdidiet lil grupp studentesk lemini. Spiċċa arrestat bis-saħħa ta' dik li hi magħrufa bħala Verbotsgesetz: liġi kostituzzjonali Awstrijaka (li tmur lura għall-1945) li tqis bħala illegali kull inċitament favur l-ideoloġija Nazista u kull ċaħda li qatt seħħ l-olokawstu.
Li jinteressani minn dan kollu huwa l-argument min-naħa ta' numru ta' intellettwali li bniedem m'għandux jintefa' l-ħabs minħabba l-ideat li għandu u li jippromwovi. F'intervista ma' Irving ippubblikata f'The Observer tal-Ħadd li għadda (tista' tinqara hawn) kien irrappurtat li anki Lipstadt innifisha hija tal-fehma li Irving m'għandux jgħaddi ġuri.
Il-mistoqsija, allura, hija waħda sempliċi, u għax hija sempliċi x'aktarx li t-tweġiba hija diffiċli: x'għandu jkun il-limitu tal-liberta' tal-ħsieb u tal-kelma? Bla dubju ta' xejn iċ-ċaħda li qatt seħħ l-olokawstu tweġġa' ħafna l-memorja ta' dawk li għexuh u ta' dawk li tilfu lil qrabathom; tweġġa' miljuni ta' nies. L-argumenti ta' Irving (u ta' ħafna oħrajn) li l-olokawstu ma seħħx diffiċli nniżżilhom għax hemm wisq provi tiegħu. Madankollu, tisponta mistoqsija oħra: jekk niċħad l-eżistenza t'Alla nkun qiegħed inweġġa' s-sentimenti ta' dawk li jemmnu fih? U jekk iva, għandi ninqafel f'ċella l-ħabs? Mistoqsija oħra: jekk ngħid li jien għandi tendenzi Stalinisti nkun qiegħed nissogra li ngħaddi ġuri? U jekk le, għala le, meta wieħed jiftakar fil-gzuz ta' mwiet li l-Istaliniżmu kkawża?
Orhan Pamuk
Hemm imbagħad il-każ ta' Orhan Pamuk li tressaq il-Qorti Torka minħabba li l-kitbiet tiegħu weġġgħu s-sentimenti Torok. Il-każ ta' Pamuk issa twaqqa', għalkemm xiħaġa tgħidli li r-raġuni propja l-għala ġara dan hija marbuta ħafna mat-tamiet tat-Turkija li tissieħeb fl-UE. Iżda anki hawn għandna l-każ ta' xiħadd li l-opinjoni tiegħu weġġgħet lil xi nies, weġġgħet lill-Istat Tork li min-naħa tiegħu kien pront u ħa azzjoni.
Għalkemm il-ġuri ta' Pamuk twaqqaf, hemm madwar sittin kittieb ieħor li se jitressqu l-qorti mixlija li insultaw l-Istat Tork.
L-istorja
Kemm il-każ ta' Irving kif ukoll dak ta' Pamuk jintrabtu mal-kwistjoni ta' l-istorja u tar-reviżjoni tagħha. Irving jgħid li l-olokawstu ma seħħx, meta l-istorja uffiċjali tisħaq li nqatlu miljuni ta' nies fil-kampijiet tal-konċentrament mifruxa madwar l-Ewropa fis-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor. Pamuk jgħid li t-Torok kienu wettqu ġenoċidju sħiħ fuq il-Kurdi u l-Armeni fil-bidu tas-seklu l-ieħor, filwaqt li l-istorja uffiċjali Torka tgħid li ma kien hemm ebda każ ta' ġenoċidju u li kienu ħafna t-Torok li mietu fl-istess kunflitti. Anki hawn iqumu ċerti mistoqsijiet: min u kif isawwar l-istorja uffiċjali? X'interessi partikulari hemm fil-proċess li jsawwar din l-istorja?
Imbagħad, x'jiġri fil-każ fejn m'hemmx storja uffiċjali? Ngħidu aħna, kif Malta għad m'għandhiex l-istorja tagħha miktuba kollha? Kif għadha ma teżisti ebda pubblikazzjoni li tiddokumenta l-istorja ta' Malta tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin? Fil-korsijiet ta' l-istorja fl-universita' qatt jitfaċċa dan il-perjodu?
24.1.06
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
3 comments:
Prosit! Fl-ahhar sibt lil xi hadd jjistaqsi fuq l-istorja taghna. Qabel ma niffaccjaw il-verita ta' l-istorja Maltija (mhux dik miktuba fil-kotba ta' l-iskola) mhux se nkunu nistghu nifhmu min ahna u fejn l-ahjar li naslu. Il-punt tat-tluq huwa l-gheruq li huma fundamentali, irridu jew ma rridux, joghgobna jew le.
Forsi ghan nies tal-universita' t-tieni nofs tas-seklu ghoxrin huwa kmieni wisq biex jitqies bhala 'storja'. Jew forsi dak li gara fl-istess perjodu gewwa pajjizi ohra, ez: Cina, USSR, Germanja, ect huwa aktar importanti minn dak li gara fuq din il-blata li nghixu ahna stess fuqha. Mhux dejjem hekk kollna ahna l-Maltin, li dak li jigri hawn jew li huwa barrani huwa ahjar minn taghna u aktar importanti? Forsi din l-ideja todd ukoll ghall istorja ta pajjizna. Forsi jridu jikbru it-tfal taghna biex l-istorja vera tibda biex tinkiteb. Pero niddubita. Hemm wisq kallijiet x'jintriffsu.
Il-kittieb Turko-Armen safa maqtul
http://news.bbc.co.uk/2/hi/europe/6279241.stm
Post a Comment