5.2.06

CREAM

Ir-ritwal tad-dilettanti

Lanqas qatt ma kkummentajt uffiċjalment fuq il-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa; anzi kont niskanta kif Toninu kien joqgħod jaħli ħinu jagħmel dan. Dis-sena kelli noqgħod narah b'kummentarju 'barrani' għaddej maġenbi. Kif għidt drabi oħra, qatt ma tista' tara lilek innifsek sew daqskemm meta tiddobba par għajnejn li mhumiex tiegħek.

Li tassew spikka f'għajnejja kien id-dilettantiżmu grass ta' l-organizzazzjoni kollha kemm kienet. Dawk li t-Times sejħitilhom "some slight technical hitches" (!) kienu, fir-realta', orrendi, bil-kantanti jispiċċaw bil-pipi' nieżel ma' saqajhom bl-antiċipazzjoni li l-mikrofni mhumiex se jaħdmu malli jiftħu ħalqhom għall-wiri tal-bravura tagħhom li kellha ttul tliet minuti. Imbagħad kien hemm il-famuża 'kartolina' qabel kull kanzunetta: ħlief madonni, purċissjonijiet u ġigġifogu ma deherx, iżda mbagħad nibda naħseb li mn'alla ġie San Pawl Malta għax kieku kien ikollna nuru biss bini ma' kullimkien u toroq kollha ħofor. Kien hemm ukoll ir-rit ta' l-isponsors li għadni s'issa - aktar minn tnax-il siegħa wara l-festival - niftakarhom kollha bl-amment u bl-ordni li dehru fiha.


Ka-ka-kanta
Ejja ngħidu li kien hemm tmintax-il 'kanzunetta' u mhux tmintax-il kantant għax ħafna mill-parteċipanti, uħud minnhom ħelwin ħelwin libsin ilbies li ma jixraqilhomx, mhux żgur tgħallmu jiftħu ħalqhom. Kien hemm ukoll is-soltu żeffiena, jippruvaw jgħollu l-livell tal-kanzunetta. Imbagħad l-istage acts: skrins tal-karti bid-dellijiet projettati fuqhom, skrins tal-karti jitqattgħu u l-udjenza ċċapċap u timmeravilja ruħha kif kantant kapaċi jqatta' karta hekk kif jibqa' dieħel fiha.


Bondiminus
It-tieni nofs tal-festival, li effettivament kien itwal mill-ewwel nofs (jiġifieri l-festival innifsu), kien mument tajjeb biex jibagħtek torqod. Lou Bondi, b'żewġ ċajtiet mejtin aktar minn ċerti kanzunetti nfishom, kellu ego trip papali jdoqq kitarra elettrika u - kif konna ngħidu fit-tmeninijiet - jiffreakja mal-kordi jdoqqu l-Beatles. (Bilħaqq, għandikun se jkun hawn xi Beatles Tribute Band iddoqq dalwaqt. Ftit pubbliċita' tajba.)


Plus
Biex ma nkunx negattiv f'kollox ... għalija l-mument li salva t-tieni parti tal-fetival kien Ray Calleja, l-uniku komiku Malti li għandu xi jgħid u li jgħidu b'mod tajjeb. Jien nafu lil Ray u naf kemm hu professjonali fix-xogħol tiegħu. Imn'alla kien hu.

Bħala kanzunetti nista' nislet tnejn li laqtuni: il-kanzunetta ta' ċerta Pamela u dik ta' Nadine Axisa, żewġ kanzunetti li għoġbuni biżżejjed biex nintebaħ mill-ewwel li ma kinux se jirbħu. L-interpretazzjoni ta' Eleonor Cassar kienet stupenda, anki jekk il-kanzunetta nfisha ma tatni xejn.


GoMobile
Ninsab ċert li r-rebbieħ tal-festival tal-kanzunetta għall-ewropa 2006 kien il-GoMobile. L-eluf ta' smsijiet u telefonati dawru l-lira waħda sew. Imbagħad tibda tintebaħ li kollox marbut mal-lira. Is-sistema tal-votazzjoni, assurda u mnejka daqs il-festival innifsu, ma setgħet qatt ittella' f'Ateni kanzunetta tajba. Li jgħodd hu kemm għandek fans bejn it-13 u t-18-il sena mobile happy; kemm għandek fans iħarsu lejk titbissem kollok dwejjaq fuq xi programm tal-qamel fuq it-televixin. Li jgħodd hu li r-rota ddur: kritiċi ħorox tal-festival jispiċċaw jippreżentawh u jkantaw fih, l-isponsors rashom mistrieħa li l-fondi li nefqu se jitripplaw f'buthom, eċċetra eċċetra eċċetra.


CREAM
Hekk hu: Cash Rules Everything Around Me.


Cream (għal darb'oħra)
Issa, wara li ħlejt nofs siegħa minn ħajti nikteb dil-bloggata, se ninsa kollox, bħal meta tiekol platt ħażin u tmur taqilgħu fil-vaska. Se mmur insorġi fuq l-istess pultruna li kont fuqha tnax-il siegħa ilu, u, grazzi għall-par għajejn barranin li kelli ħdejja l-bieraħ, se nara t-tieni parti ta' dan.

Money, nothing funny, wasting the best of our life.

10 comments:

Toni Sant said...

Kumbinazzjoni dan rajtu fuq il-BBC 2 nhar il-ġimgħa fit-tard. Kien diġestiv tajjeb wara l-qassata ta' Xarabank. Kien hemm dokumentarju interessanti dwar Fresh Cream u Disraeli Gears qablu wkoll, imma ma nimmaġinax li qiegħed fuq id-DVD dak.

Antoine Cassar said...

Grazzi Manuel. Jien ma rajtx il-festival, imma tassew ħadt pjaċir naqra dis-satira tiegħek... dil-ġurnata mqaddsa bdiet ħażin għalija għax inħraqt waħda sew jien u naqra l-ittra ta' Ragonesi fit-Times, imbagħad inħarqet it-televiżjoni tan-nanna, imbagħad inħaraq il-karawett, donnu jum il-ħruq insomma... imma bid-daħka tajba li dħakt issa kkalmajt. Issa nagħmel passejn u mbagħad inlesti l-bloggata li jmiss bil-kwiet, ilha ġejja issa...

Mill-ġdid ħajr.

Coemgen said...

Malta Frattarija for Europe.
Sound, hwejjeg, upstyles, reklami, lou, u elf hag'ohra.

Ma naqbilx wisq mieghak rigward Ray. Bniedem cajtier hafna u jdahhakni, dak fatt. Pero nahseb kien hemm daqsxejn hamallagni zejda li mhux postha hemm.

Pierre J. Mejlak said...

"l-udjenza ċċapċap u timmeravilja ruħha kif kantant kapaċi jqatta' karta hekk kif jibqa' dieħel fiha"

helwa wisq din!

sleepyhead said...

Il-ħaġa tal-biki hi li dan il-festival jitgħella mill-ministeru tal-kultura (!) ta' Malta. Il-ministeru li jitħallas mit-taxxi tiegħi u tiegħek. Il-ministeru responsabli biex itella avvenimenti li jsaħħu u jibnu l-kultura ta' pajjizna u li minflok qed itina dan ir-raċanċ.

U issa, anke l-jazz festival inħexa.

Verament tal-biki.

L-Imżebbel said...

Jien ma rajtx x'bażwru l-Cream f'din ir-rijunjoni u għaldaqstant ma tantx nista' nikkummenta wisq.

Biss jien dejjem kont xettiku dwar dawn it-tip ta' rijunjonijiet nostalġiċi ta' gruppi kbar veterani. Nispera li fil-każ tal-Cream l-esperiment kien validu.

Madankollu, ma nistax nimmġina li ssurpassaw il-prestazzjonijiet tagħhom tas-snin Sittin. Kif jgħidu huma stess, minkejja li kienu jitlewmu ħafna, those were the days.

Rigward il-Festival, aħjar ma ngħid xejn. Naħseb li kulħadd jista' jimmaġina x'naħseb dwaru.

Tislijiet.

Kenneth said...

M'għandhiex x'taqsam mat-tema, imma sinċerament grazzi ta' "Kimika", Immanuel.

Il-prosit m'hemmx ghalfejn noqgħod ngħidhielek.

Immanuel Mifsud said...

M'hemmx imniex Kenneth, anzi grazzi lilek.

Anonymous said...

Kimika ktieb stupend - ktibt fuqu ghat-Times u ma ppubblikawx l-artiklu. Ghalhekk qed inheggeg lil kulhadd biex jaqrah - kif ukoll il-blog tieghek Immanuel

L-Ghama said...

Il-Cream jidhru li huma ghal qalbek sew, Imm! Ma ntikx tort, ghax jien li zvijjajt kemkem minn dik il-muzika, maz-Zeppelin, lilhom garrejt mieghi fil-bagalja li ghadni ndur ghaliha spiss.

Mill-banda l-ohra naqbel mal-Imzebbel. Dak is-seher ta' dawk is-snin ma jingarrx b'semplicimnet re-union. Biex ma nsemmix l-ghafsa ta' qalb li nhoss kif nara dak it-tikmix u qedem hdej l-istampi li nkun drajt nara!

Vera li d-Deep Purple kienu harguna ta' nies haw Malta, imma...