8.7.06

And I say to myself ...



Ħajr ...
Ħajr lil dawk kollha li ħallew messaġġi ta' xewqat sbieħ fuq il-blogg, lil oħrajn li bagħtu l-emails jew telefonati; inklużi dawk li avżawni li beda perjodu ta' ljieli bla rqad. Mhix ħaġa ġdida l-iljieli bla rqad, imma dawn huma ljieli ġodda.




L-appartament ta' ħdejn il-wied
Tibda ddur il-kmamar ta' l-appartament fejn sa ftit inqas minn sena ilu kont tgħix waħdek u tibda tara l-istampi quddiem għajnejk: l-appartament tiela' ftit ftit, l-appartament ġebel u saqaf, l-appartament mibni u lest, l-appartament vojt, l-appartament jimtela bil-biċċiet, l-appartament mimli, l-appartament tiegħek, l-appartament tiegħek u ta' xiħadd ieħor, u issa, l-appartament li fih hemm ħlejqa li tiddependi minnek. F'temp ta' ftit xhur dan l-appartament invadewh tnejn min-nies li sabu posthom, sorġew u biħsiebhom jibqgħu hawn.


It-tfal jiġu bil-vapuri
Għadhom jeżistu dawk il-kartolini li wieħed jibgħat fl-okkażjoni tat-twelid ta' tarbija, bl-istampa taċ-ċikonja ġġorr tarbija f'maktur imdendel ma' munqarha. Għandi memorja vaga ħafna ta' ommi mimduda fuq is-sodda f'ġurnata sajfija wara nofsinhar meta kienet tkun tridni norqod bilfors u ma kien jirnexxili b'xejn. Darba jfettilli nistaqsiha kif jiġu t-tfal u, naturalment, ommi kienet pronta tweġibni li t-tfal jiġu bil-vapuri. Anzi, niftakarha tgħidli li l-Bambin jibgħat it-tfal ġo vapuri sbieħ u mbagħad il-ġenituri jmorru l-port tal-Marsa jistennewhom hemmhekk. Ix-xbieha taċ-ċikonja qatt ma feġġet f'moħħi. Dan l-aħħar kont qed nerġa' nġedded din il-memorja u ntbaħt li f'pajjiż b'port naturali li kulħadd jiftaħar bih, f'pajjiż fejn għal snin twal is-sibi kien l-unika industrija, f'pajjiż li huwa gżira, jagħmel ħafna aktar sens li t-tfal jiġu bil-vapuri milli jinġarru miċ-ċikonja, anki għaliex x'aktarx iċ-ċikonja kienet tispiċċa ħażin.


Kotba
Dawk li jafuni sewwa ġieli semgħuni ngħid li qabel għalaqt is-sittax-il sena qatt ma kont qrajt ktieb ħlief A Christmas Carol ta' Charles Dickens.

Marley was dead: to begin with. There is no doubt whatever about that. The register of his burial was signed by the clergyman, the clerk, the undertaker, adn the chief mourner. Scrooge signed it: and Scrooge's name was good upon 'Change, for anything he chose to put his hand to. Old Marley was as dead as a door-nail. Mind! I don't mean to say that I know, of my own knowledge, what there is particularly dead about a door-nail. I might have been inclined, myself, to regard a coffin-nail as the deadest piece of ironmongery in the trade. But the wisdom of our ancestors is in the simile; and my unhallowed hands shall not disturb it, or the Country's done for. You will therefore permit me to repeat, emphatically, that Marley was as dead as a door-nail.

Bħalissa għandi quddiemi l-ewwel kopja mill-ħafna li għandi ta' dan il-ktieb, edizzjoni ta' JM Dent Co Ltd, fis-sensiela The Kings Treauries of Literature, b'illustrazzjonijiet ta' CE Brock. X'aktarx li kienet tathieli oħti Carmen.

Imma ħafna inqas jafu li xi ftit tas-snin ilu xtrajt il-kotba kollha ta' Beatrix Potter. Mid-dehra l-effett kolonjalista ħakimni ftit tard. Jew inkella bdejt ngħix it-tieni tfulija; jew bdejt ngħix dik it-tfulija li qatt m'għext qabel għax il-kotba ma kontx inħobbhom. U issa, jkolli nammetti li, ġieli nintilef fil-karattri ta' Squirrel Nutkin, Benjamin Buddy, Jeremy Fisher, Mrs Tittlemouse u Timmy Tiptoes fost oħrajn.

Il-karattru ta' Peter Rabbit (li żgur li kellu influwenza fuqi meta ħloqt il-karattru ta' Pietru l-Fenek fil-ktieb ta' stejjer għat-tfal li ħareġ xi snin ilu) niftakru mpinġi fuq platt tal-plastik li xiħadd kien tani meta kont għadni ta' l-idejn. Niftakar il-fenek u x'aktarx li kienet din l-istampa fuq ix-xellug.

Dan l-aħħar il-jum sirt nispiċċah bi storja meħuda mis-sensiela ta' Peter Rabbit:

Once upon a time there were four little Rabbits, and their names were - Flopsy, Mopsy, Cotton-tail, and Peter. They lived with their Mother in a sand-bank, underneath the root of a very big fir-tree.

U la qegħdin nitkellmu fuq il-kotba, din il-ġimgħa ħareġ il-ktieb Il-Linja l-Ħadra ta' Clare Azzopardi. Għal min irid jixtarr 'il fejn sejra l-letteratura tal-Blata, dan il-ktieb huwa obbligatorju.

Il-ballun abjad u iswed...

Għada jagħlaq is-siparju fuq it-tazza tad-dinja. Ngħid għalija ili ħafna li tlift l-interess. X'aktarx għax qatt daqs din is-sena ma ddiżgustajt ruħi biċ-ċeremonjal pazzesk tal-bnadar jittajru mit-twieqi tal-karozzi, mill-galleriji, mill-bjut u naħseb li anki mill-ispeedboats. Frankament inħossni nistħi. Biss ħadt ferħa l-bieraħ li dawn ħadu l-ewwel unur ta' l-istaġun. Awguri u xewqat sbieħ!

4 comments:

sharonspiteri said...

Issa kieku tibda baby blog mill-perspettiva ta ragel? *grin* Ahahahahaha... Qisek qed tikteb ir-rokna tan-nisa bhal gazzetti fl-antik (insomma mhux daqshekk antik ghax jien niftakarhom ;)

Antoine Cassar said...

Kumbinazzjoni bħalissa qed naqra r-rumanz ta' Oliver Friggieri li jġib l-istess titlu, tħajjart għax għadha kemm ħarġet it-tieni parti. Jumejn ilu qrajt passaġġ li għoġobni ħafna, li jfisser b'ċertu umoriżmu innoċenti għala ngħidu li t-tfal jiġu bil-vapuri. Il-lejla ntellgħu fuq il-blogg tiegħi.

Hsejjes said...

Beatrix Potter!?! Imma forsi diga kellek f'mohhok li taqrahhom lil Kolja meta jikber ftit iehor? By the way, kemm hu helu....tal-gdim.

L-Imżebbel said...

Awguri ħabib.