13.8.06

Għidli, għidli storja

Għaddejjin ħafna emails jirrakkuntaw l-istorja tal-gwerra bejn l-Israel u l-Ħiżballaħ fuq il-ħamrija tal-Lebanon u fil-partijiet ta' fuq ta' l-Israel. Fuq il-Lebanon niżlin tunellati ta' bombi, fuq l-inħawi ta' fuq ta' l-Israel niżlin ir-rockets sparati minn attivisti Ħiżballaħ. Dawn l-emails jitkellmu fuq l-istess kunflitt imdemmi. Dawn l-emails, iżda, qegħdin jirrakkuntaw stejjer differenti.

Mhux l-emails biss qegħdin jirrakkuntaw stejjer differenti, imma anki r-rapporti li jidhru fuq il-mezzi differenti tal-media, l-opinjonijiet espressi 'l hawn u 'l hinn, saħansitra l-fotomontaġġi.

Kollha qegħdin jirrakkuntaw storja u kollha qegħdin jippretendu li jitwemmnu, anzi jitwemmnu huma filwaqt li jiskreditaw 'l-oħrajn. Kull storja tfittex li tgiddeb lill-oħra. Ħu pereżempju l-attitudni ta' Eħud Gol: "Who told you 50 civilians have been killed?"


Darba waħda kien hemm ...
Bħall-istejjer tat-tfal li konna nisimgħu hekk ukoll jibdew dawn ir-rakkonti li qed nitkellem dwarhom. Kemm hu interessanti li wieħed jara kif jibdew dawn ir-rakkonti. Rakkont pro-Isrealjan x'aktarx se jibda bil-ħtif ta' żewġ suldati Isrealjani; rakkont ieħor x'aktarx li jibda mill-ħtif ta' tnejn min-nies fl-istrixxa ta' Gaża, meqjusa bħala attivisti tal-Ħamas. Oħrajn jistgħu jmorru anki aktar lura minn hekk. Darba waħda kien hemm ... X'kien hemm? U meta kienet din id-darba waħda?


Iftħu għajnejkom u moħħkom!
Hekk tappella ċerta Daniela Londner Salomone fuq it-Times tal-bieraħ. L-artiklu ta' Londner Salomone, fi ftit sigħat, beda wkoll idur fl-emails mibgħuta minn dawk li jemmnu li Israel qiegħed "sempliċiment" jiddefendi ruħu mill-Ħiżballaħ u mill-Iran u s-Sirja. Anki Londner Salomone tipproduċi r-rakkont tagħha - bil-bidu, bit-ton, bil-konklużjonijiet partikolari tiegħu. Bħal ħafna rakkonti ta' dan it-tip hemm ukoll referenza għall-Olokawstu li qatel sitt miljuni Lhudi (flimkien ma' miljuni oħrajn ta' żingari, Pollakki, Komunisti, u omosesswali). Ir-referenzi għall-olokawstu huma komdi ħafna meta wieħed irid ipinġi stampa tal-vittmi. Anki Gol jagħmilha, bid-differenza li Gol rabba qoxra xierfa ħafna, tant li t-ton tiegħu mhux biss kien ostili imma nazzarda ngħid vjolenti wkoll. Imma li ngħidu li "l-arja tal-lum tixbah dik tas-snin tletin tas-seklu l-ieħor" inkunu qegħdin nagħmlu żball oħxon mhux ħażin. L-olokawstu Nazista ma kienx immirat biss lejn il-Lhud (u mhux l-Israeljani), ma kellu x'jaqsam xejn ma' dak li qed jiġri issa fil-Lvant Nofsani, u, ma rridux ninsew, kien immexxi minn stati ta' pajjiżi Nsara, uħud minnhom - bħas-Slovakkja, il-Kroazja u oħrajn, bi gvern Kattoliku.

L-appell ta' Londner Salomone huwa biex jien, bħala qarrej, niftaħ għajnejja u niftaħ moħħi, ergo naċċetta r-rakkont tagħha bħala fatt. Imma l-verita' li din is-sinjura tħoss li tħaddan taf tkun rakkont, rakkont ieħor li jista' jikkorobora jew jikkunfliġġi ma' rakkonti oħrajn. Din is-sinjura tħossha mweġġgħa - I cannot believe what I read. I am hurt and offended by some of Malta's cultural and political figures - għax hawn min qed jirrakkonta rakkont differenti minn tagħha, għax hi biss (u dawk li jaqblu magħha) għandha aċċess għall-verita' (anzi IL-VERITA').


L-uġigħ u l-mibegħda
... il-pern ta' kull kunflitt, speċjalment ta' gwerra. Għax jekk il-gwerra ma tweġġagħnix x'aktarx li miniex se ninteressa ruħi, wisq inqas nissogra demmi. U jekk dan l-interess li jista' jitqanqal fija ma jwassalx għall-mibegħda ta' l-għadu tiegħi x'aktarx li mhux se nkun kapaċi nispara r-rocket, nagħfas il-buttuna ħa nwaqqa' l-bomba. Mingħajr mibegħda ma jkollok l-ebda gwerra. U għalhekk, Eħud Gol jista' jikkummenta: "We don't have to justify anything. We are defending ourselves. We don't have to give reports to the international community for all we're doing." L-istess kif is-Sinjura Londner Salomone tista' tikteb: "The civilian casualties in Lebanon are not casualties we want to have. But war is war and civilians get caught in crossfire."


U allura ...
U allura, iva, nerġa' nistaqsi liema tħannina tista' tgħanni lit-tfal li ma jistgħux jorqdu minħabba l-uġigħ (tagħhom) u l-mibegħda (ta' ħaddieħor).

Liema tħannina se sserraħ il-120 midrub li ssemmi Daniela Londner Salomone fir-rakkont tagħha?

Liema tħannina se sserraħ il-midruba l-oħra li ma ssemmix Daniela Londner Salomone?

Liema tħannina se sserraħ lil dawk li tilfu 'l xiħadd b'xi rocket sparat mil-Lebanon jew xi bomba li faqgħet l-art tal-Lebanon?

Liema tħannina se tikkalma l-moħħ ta' min qed jipprova jġonġi r-rakkonti biex forsi jara l-verita'?

1 comment:

Roderick Mallia said...

Fil-fatt, għax esprimejt opinjoni differenti minn tagħha din is-sinjura ħarġet tattakkani u takkużani li jiena periklu għall-umanità:

http://rodmallia.blogspot.com/2006/08/meta-gawma-tkun-perikolua.html