Il-Lejl Maġiku
OK, mela xi Ottubru li għadda kellna n-Notte Bianca. Issa kellna n-Notte Magica. Din ta' l-aħħar tqieset minn ħafna bħala suċċess kbir. Eluf ta' nies ħonqu t-toroq tal-Belt sas-sigħat bikrin ta' filgħodu, qagħdu jisimgħu xi mużika, jaraw xi teatrin, jieklu u jixorbu u jżuru xi bereġ.
OK. It-Times tal-lum ikkwotat lill-Ministru Zammit Dimech jgħid li s-suċċess tal-lejl maġiku tas-slaten maġi kien prova li (qed nittraduċi) "il-futur ta' Malta jinstab fil-kultura u fl-arti." Jidhirli li l-Ministru tal-Kultura, kwalunkwe ministru tal-kultura, m'għandux bżonn iljieli maġiċi biex jibda jemmen li l-futur ta' kwalunkwe pajjiż, partikolarment pajjiż żgħir bi storja twila, jinstab fil-kultura u l-arti. Anzi, jien inħoss li l-ministru tal-kultura għandu jemmen dan minn qabel ma jitlaħħaq ministru tal-kultura. Terġa', inħoss li ministru tal-kultura għandu jingħata dan il-portafoll għax jemmen bis-sħiħ li l-futur ta' pajjiżu jinstab fl-arti u fil-kultura.
Issa li Malta suppost li stabbiliet ruħha fil-kontinent, għandha tibda tieħu l-minjiera ta' opportunitajiet li jeżistu biex tasserixxi ruħha kulturalment mal-bqija. Inkella Malta tibqa' sempliċiment "the land down under" Ewropea... kif fil-fatt hi bħalissa. Il-pajjiżi-membri l-oħra li ssieħbu fl-Ewropa f'Mejju 2004, anki dawk meqjusa 'żgħar' (bħall-Estonja, il-Latjva u l-Litwanja) kienu ilhom bi lsienhom barra jitħabtu u jirsistu biex il-kultura tagħhom tieħu postha ma' ta' l-oħrajn; tingħata l-istess prominenza li tingħata l-kultura ta' l-oħrajn. U għalkemm il-qasma bejn l-Ewropa l-antik u dik il-ġdida, bejn l-Ewropa tal-Punent u dik "tal-Lvant" inħasset xorta, ix-xogħol kien beda. Malta, li bħal Ċipru la tappartjeni għall-Punent u lanqas għal-Lvant (u allura hija eskluża minn dan id-diskors) ma jidhirx li qatt ħadmet f'dan ir-rigward. Ibda biex jidher li Malta m'għandhiex politika kulturali. Ma nafx kemm-il proxxmu tqabbad biex iħażżeż politika kulturali. Ma nafx kemm-il politika tħażżet. Jien naf bi tlieta żgur. Xi sena ilu, jekk mhux aktar, kien qed isir tentattiv ieħor biex titfassal politika kulturali oħra, li x'sar minnha ħadd ma jaf. Għandi l-impressjoni li l-affarijiet isiru ad hoc wisq hawnhekk. Saret notte bianca, marret mhux ħażin, mela ejja nagħmlu oħra. It-tieni waħda marret aħjar, mela ejja nagħmlu xi erbgħa oħra. L-istess bħad-deċiżjoni storika, imħabbra mill-istess Onorevoli Zammit Dimech, li s-sit fejn għad hemm il-karkassa tat-teatru ta' l-opra, se jinbidel f'sit al fresco fejn isiru rappreżentazzjonijiet artistiċi. Dan sa sena ilu, sieħeb l-Onorevoli Zammit Dimech, il-Ministru Jesmod Mugliette, kien ħareġ jgħid li ttieħdet deċiżjoni li minflok it-teatru ta' l-opra (imwaqqa' sittin sena ilu) se jinbena bini ġdid għall-parlament. L-aħbar li ħareġ biha Zammit Dimech, filwaqt li jidher li ħadd m'hu qed jeħodha jew jieħu lilu bis-serjeta', turi n-nuqqas ta' tattika, l-adhociżmu li bih qed isiru l-affarijiet, affarijiet li suppost nieħdu b'serjeta' kbira.
L-adhociżmu f'Zammit Dimech deher ukoll xi xhur (jekk mhux snin) ilu meta mar konferenza Pariġi u ġie lura jikteb artiklu li l-konferenza f'Pariġi illuminatu li l-gvern għandu jaħdem bis-serjeta' biex il-letteratura miktuba bil-Malti tiġi tradotta u esportata lejn l-Ewropa. Kont ktibt ittra fit-Times indirizzata lill-Onorevoli Zammit Dimech, li fiha kont għidtlu li diġa' jeżistu individwi Maltin li ħadmu u qegħdin jaħdmu fuq dan ir-rigward, u kont għidtlu wkoll li jekk irid jieħu l-affari bis-serjeta' għandu jaħseb biex iwaqqaf ċentru apposta, b'nies full-time, biex jaħdmu għal din il-kawża. Propju dan l-aħħar Clare Azzopardi kitbet fit-times tikkorobora dan l-argument.
Jien qed nittama li l-illuminazzjoni li ġab miegħu l-lejl tas-slaten maġi se ċċaqlaq lill-ministeru ta' Zammit Dimech f'dan ir-rigward, għax iva, ministru, il-futur ta' dal-pajjiż qiegħed fil-kultura u fl-arti tiegħu .... imma mhux dik tal-Eurovision, dik il-farsa li għaliha jintefqu eluf ta' liri, f'ġieħ Alla!
Isqfijiet bħala qaddejja ta' l-istat
L-ewwel kellna l-każ ta' Jan Sokol, l-Arċisqof ta' Bratislava, li ħoloq skandlu meta qal li l-ħajja fis-Slovakkja matul it-tmexxija Faxxista tal-Monsinjur Jozef Tiso, kienet waħda tajba. Imbagħad l-istorja ta' Stanislaw Wielgus, li rriżenja mill-Arċiveskovat ta' Varsavja għax intwera li fl-era Komunista - meta diġa' kien minstru (Kattoliku) t'Alla - kien kollaboratur tal-pulizija sigrieta Pollakka.
Jekk trid tkun ċiniku, u nimmaġina li ħafna għandhom din it-tendenza, tista' tgħid li dawn iż-żewġ Arċisqfijiet setgħu wettqu żball għax il-qassis huwa bniedem tad-demm u l-laħam u bħala tali jista' jiżbalja wkoll. Ħeqq, żball mhux kulħadd jagħmlu?
8.1.07
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
2 comments:
bhalissa qed inzomm il boghod minn gazzetti u ahbarijiet ghalhekk ma kellix idea ghalfejn saret in-notte magica...
kultura?... is-sale tar-ramis ma nahsibx tikkwalifika...
Tasal issejjħilhom 'kultura' dawn iż-żewġt iljieli? Jien mort biss għal ta’ l-ewwel jiġifieri forsi ma nistax nikkumenta wisq, imma ħlief għal xi mużika ġenerika Indjana u diski pop ma nafx x’seta issejjaħ 'kultura'. Forsi fl-aħħar lejl imsaħħar kien hemm il-farsa...
Post a Comment