Ma setax jisbaħ isbaħ Jum ir-Repubblika: ix-xita ma trid tieqaf b'xejn; il-beraq u r-ragħad; ir-riħ. Wara kollox ninsabu f'Diċembru. Ħalliha li kelli nqum nixxotta l-ilma fis-sitta u nofs ta' filgħodu!
Jum ir-Repubblika ma jfisser xejn għajr jum ix-xiri u l-ġbir mill-PN biex jibnu palazz isbaħ minn dak li kellhom s'sissa. Drajnieha l-istorja ormaj.
Robert Micallef
Mill-ewwel irnexxielu jilmaħ Il-Blobb tas-Sibt Filgħaxija. Kont qed naħseb li jkun hemm perjodu fejn Il-Blobb tas-Sibt Filgħaxija jibqa' moħbi għal ftit, imma Robert għandu par għajnejn kbar!
Il-Festival Internazzjonali tan-Novella
Ġie u għadda. Kienet esperjenza mill-isbaħ u għalhekk niżżżiltu bħala wieħed mill-highs kulturali ta' dis-sena. Fost il-kittieba barranin li kellna mistiedna spikka Alessandro Tamburini, kittieb Taljan li minbarra li hu kittieb tajjeb ħafna, huwa kelliem stupend ukoll. Ma' Tamubrini kien hemm ukoll Leila Abouzeid, kittieba Marokkina li, kuntrarju għall-kittieba l-kbar l-oħra Marokkini, tikteb bl-Għarbi u mhux bil-Franċiż. Imbagħad kien hemm ukoll Lou Drofenik, Maltija-Awstraljana li ħarġet b'rakkont dwar il-vjaġġ lura d-dar li għamlet lejn is-Slovenja (żewġ Drofenik huwa emigrant Sloven). Id-diskors dwar l-emigrazzjoni reġa' ħa ċerta importanza fostna, kemm minħabba l-klandestini, kemm minħabba n-numru dejjem jikber ta' Maltin li qegħdin isalpaw lejn l-Ewropa x-Xiħa biex jibnu ħajja ġdida hemmhekk, 'il bogħod u mhux 'il bogħod minn pajjiżhom. Il-blogosfera Maltija hija ddominata minn dawn l-emigranti Maltin kemm minħabba n-numru tagħhom, kemm minħabba l-konsistenza u l-volum tal-prodott tagħhom. Iżda lura għall-festival... Ma kienx il-qari biss li kien ta' interess kbir. Is-seminar ta' nofs ta' nhar imsejjaħ "Wiċċ Imbwiċċ Man-Novella" ta spazju lill-parteċipanti biex jaqsmu ma' xulxin u ma' l-udjenza l-esperjenzi interessanti tal-ħajja ta' kittieb. U ngħid li dak li għamel is-seminar interessanti ħafna kienu l-esperjenzi differenti li l-kittieba għandhom fil-karriera tagħhom. Kien inevitabbli l-kuntrast bejn in-novella u r-rumanz, u l-kummenti rrapportati li ħafna qarrejja u pubblikaturi jqisu l-kitba tan-novella bħala sempliċi tappa qabel id-destinazzjoni l-vera: ir-rumanz. Clare Azzopardi, li qed nistenna b'ħerqa kbira l-pubblikazzjoni ta' l-istejjer tagħha s-sena li ġejja, tkellmet fuq l-esperjenza tagħha bħala kittieba tan-novelli u għala bħalissa m'għandha l-ebda ħsieb li taqleb għar-rumanz. Fakkritni f'pubblikatur li kontinwament kien jgħidli li qiegħed jistenna r-rumanz tiegħi. Fadallu x'jistenna naħseb: bħal Clare m'għandi l-ebda ħajra - għallinqas għalissa - li nibdel il-ġeneru li tant qagħad għall-bżonnijiet tiegħi.
Inkun qed nigdeb jekk ngħid li l-festival tani biss sodisfazzjon. L-akbar diżappunt tiegħi kien li tneħħi l-parteċipanti u Victor Fenech u Guże' Stango, ma kienx hemm kittieba oħra li nteressahom. Ħasra.
Che gelida manina
Is-swaba' bbisuli fuq it-tastiera. Il-kesħa bdiet bis-serjeta' fl-aħħar! Iġri nsib ruħi f'foresti mimlija borra, fuq muntanji mnejn tista' tittawwal 'l isfel ħa tara s-sħab jitlajja taħtek. La nkun imdawwar b'dik il-bjuda, bid-deżerti tas-silġ, bid-dlam l-abjad, inkun nista' niġi f'tiegħi.
Sar il-ħin għal grokk.
13.12.05
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment