7.12.05

la sibt ftit ħin...

Minn hawn u ftit ieħor jibda l-ewwel Festival Internazzjonali tan-Novella f'Malta, b'parteċipanti Maltin u oħrajn mill-Awstralja, l-Italja u l-Marokk. Hemm diversi affarijiet li huma ta' l-ewwel f'dan il-festival: l-ewwel attività tal-Kumitat Tekniku tal-Letteratura fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali tal-Lingwa; l-ewwel festival tan-novella li qatt sar f'Malta; u, tajjeb li ngħiduha wkoll, l-ewwel attività letterarja f'Malta li tefgħulha billboard (!) Iktar informazzjoni hawnhekk.


ejjew ejjew ja anġli...
Maġenbi toqgħod koppja żagħżugħa li għandhom żewġt itfal. Mill-kamra tiegħi nista' nismagħhom ikantaw "Ejjew, ejjew ja Anġli" lit-tfal tagħhom. Ma nistax ma niggustahomx. Ifakkruni f'meta kont għadni tifel jien u ommi kienet tkantali l-istess għanja. Dak iż-żmien ma kellniex siġra tal-Milied u lanqas qniepen u prinjoli mdendla ma' kull kantuniera. Kellna biċċa grotta u ftit pasturi nofshom imkissrin.


inkomplu...
Il-blogg tiegħi reġa' emigra. Ma kienx biżżejjed li nirxuxtah. Fil-fatt m'hu qiegħed jirxoxta xejn: wieħed miet u l-ieħor twieled. Jiġi żmien fejn tkun trid tibdel. Min-naħa tiegħi l-bidla kienet kważi imposta: is-sitwazzjonijiet ġodda tal-ħajja, u s-sitwazzonijiet oħrajn li dalwaqt jinbidlu, ġegħluni nirrifletti li ladarba kollox qiegħed jinbidel madwari, nistgħu nibdlu l-blogg ukoll, ħalli kollox ikun f'sintonija (speċi ta'). Waħda mill-affarijiet li nbidlet hija l-iskeda tal-ġurnata. Dik inbidlet radikalment u magħha nbidlu l-prijoritajiet tiegħi. Kont ilni nħoss li l-interess fil-blogosfera kien qiegħed jeħodli ħafna ħin - iżżejjed anzi - u allura jista' jkun li sibt skuża tajba.
Imma issa rġajna hawn, jew aħjar sibna rwieħna hawn, u dak li kien qabel jibqa' jgħum f'wiċċ l-ilma diġitali.


x'aktarx...
x'aktarx li diġà tlift l-interess li nkompli!

No comments: