13.3.06

Anniversarju



'Iltqajt' miegħu snin ilu, f'nofs ta' lejl meta kulħadd kien rieqed mhux fil-prime time. Minn dakinhar bqajt nimmeravilja ruħi bil-maġija li rnexxielu joħloq, ħafna drabi mix-xejn. Artist fil-veru sens tal-kelma, wieħed minn dawk li weldet il-Polonja, il-pajjiż ta' l-irmied u tad-djamanti. Dak inhar li 'ltqajt' miegħu, rajtu jirrakkuntali l-istorja tal-ħajja doppja ta' Veronka. Snin wara l-ewwel laqgħa żort il-pjazza ċentrali ta' Krakovja u rġajt rajt frame frame ix-xena miġbuda f'dil-pjazza, meqjusa bħala l-ikbar pjazza medjevali fl-Ewropa.

It-tliet kuluri li lagħab bihom - l-ikħal, l-abjad u l-aħmar - jibqgħu stampati fil-memorja wkoll. Iżda l-pellikola li daħlet 'il ġewwa l-aktar kienet dik li rreġistrat il-ħitan griżi ta' blokk appartamenti fil-belt ta' Varsavja. L-għaxar kmandamenti skond reġista taċ-ċinema li għajnejh riedu jiltaqgħu m'għajnejn l-ispettatur f'kull waqt, f'kull mument miġbud.

Jekk xejn, dan il-ġgant għallimni li mqar f'kuċċarina mixħuta f'tazza vojta tista' tinstab il-poeżija, imqar fid-dahar imħatteb ta' xiħa miexja lejn skipp, imqar fil-weraq mejjet tal-ħarifa.

Krzysztof Kieslowski miet bħal-lum għaxar snin.

5 comments:

Erezija said...

iva immanuel, dawk l-ghaxar kmandamenti ta' kiezlowski huma ta' l-ghageb, specjalment l-ewwel u l-hames (nixtieq nerga' narahom ghax insejt uhud minnhom)...

Toni Sant said...

l-esperjenza ta' ħajti hija ferm aktar sinjura għax rajt ix-xogħolijiet ta' Kieslowski. nimmaġina li sa ċertu punt dan jgħodd għal kull minn jara mqar film wieħed minn tiegħu.

Immanuel Mifsud said...

Anki għalija d-Dekalogu huwa l-magnum opus ta' Kieslowski, anki jekk is-suċċess il-kbir tiegħu kisbu bil-films 'Franċiżi' li ġew wara d-Dekalogu. Madankollu rrid inżid li għad ma kellix ix-xorti li nara d-dokumentarji tiegħu. Nittama li ma ndumx ma narahom. U Ton, bħalma kont għidt fi bloggata imgħoddija, flimkien ma' bċejjeċ oħra, iċ-ċinema ta' Kieslowski kienet kantuniera li ħajti daret magħha minflok baqgħet għaddejja dritt fuq l-istess bankina.

Immanuel Mifsud said...

Tweġiba għal kumment ta' Twanny fi bloggata oħra:

Il-Kertejker ta' Pinter ma rajthiex u allura ma nistax nikkummenta fuqha. Naf sew lil Ġużi Gatt u allura nemmen li l-użu tal-kelma 'kertejker' minflok bidillu jew purtinar għandu tifsira. Irrid inżid li għalkemm snin ilu ħdimt żewġ drammi ta' Pinter, u għalkemm nemmen li hu drammaturgu importanti ħafna fl-istorja tat-teatru, ix-xogħol tiegħu illum ma tantx għadu jappellali

Antoine Cassar said...

Grazzi Manuel.

Ġużi Gatt l-istess wieħed li ppubblika Fuq il-Ponta ta' Lsieni, hux?