7.3.06

Nirriżenja

Għażiż Jaħwe, se jkolli nagħmel dak li ma qatt ma xtaqt: se jkolli nirriżenja mill-poplu tiegħek. Naf li suppost li nħossni privileġġat li nagħmel parti minn dal-poplu kbir u magħżul tiegħek, imma trid tifhem li għandi mara u għandi t-tfal u rrid nieħu ħsiebhom għax dak hu dmiri. Veru li missirijiet batew u kienu lesti jibqgħu jbatu għalik. Imma jien inzertajt bniedem dgħajjef u meta nara d-demm ikun se jħossni ħażin. Forsi ma tkunx idea ħażina jekk titkellem ftit mal-kbarat l-oħra, dawk tan-naħa l-oħra, biex forsi, ma tafx kif, l-istorja tinbidel xi ftit. Qed nistħi minnek u qed nistħi minn missirijieti, imma nippreferi nħammar wiċċi milli nħammar l-art li tajtni bid-demm tiegħi, ta' marti jew ta' uliedi. Nispera li tifhimni.

Għażiż/a Brahman, se jkolli ngħaddi l-istess riżenja lilek. Ma nafx x'inhu eżatt li qiegħed jiġri. Ma' għonqi għandi mdendla tabella biex biha jagħrufni mill-bogħod. U hemm min ma jiħux gost jarani nġorr din it-tabella. Trid tifhem li jien ukoll għandi familja x'nieħu ħsieb. Trid tifhem li l-ewwel dmir hu lejn id-demm. Forsi qiegħed niżbalja imma d-demm lili jbeżżagħni. Għandek mnejn taħseb li jien bniedem dgħajjef. Jista' jkun. Imma nittama li dan ma jinkurlakx. Qed jgħidu li anki fil-qiegħ tal-Ganga hemm il-bombi lesti jtajru kull m'hemm. U jien ma rridx nittajjar. Jekk ma jimpurtax nipproponilek, int li kont minn dejjem, bħal Jaħwe, tiltaqa' ftit miegħu u ma' l-oħrajn kollha biex forsi l-affarijiet jinbidlu ftit u jien ma nibqax nibża'. Nispera li tifhimni.

Għażiż Muħammad, anki lilek se jkolli nindirizzak bl-istess mod. U qed ngħid dan bl-ikbar responsabbilta', anki jekk naf li qiegħed nonqos. Ara kemm ħuti spiċċaw stenduti. Jien ħriġt differenti. Jien beżżiegħi. U midneb ukoll għax inġib lil marti u lil uliedi qabel kollox u kulħadd. Ħares ftit sewwa u ara kemm iħarsu lejna bl-ikrah, kemm jagħtuna mill-agħar. U jien, fl-injoranza umana tiegħi, ma nistax nimmaġina meta dan kollu se jieqaf. Lili jeħduni mill-bogħod, u malli jilmħuni dlonk jobogħduni. Jien nipprova ma nobgħod lil ħadd, għalkemm nimmaġina li tifhem li fl-istat li qegħdin fih mhix ħaġa daqstant faċli din. Iżda aktar minn hekk, meta wara t-talb ta' filgħaxija nintefa' naħseb fuq il-jum li se jkun se jmut dalwaqt, nibda nħossni xxurtjat li rnexxieli nwassal jum ieħor, imma fl-istess waqt nibda nitħasseb jekk għada huwiex se jiġri l-istess. Naf li dan il-biża' għandu jħammarli wiċċi meta nara 'l ħuti l-oħra lesti jtertqu ġisimhom fl-isem l-għoli tiegħek, imma jien inzertajt bniedem ta' sinsla dgħajfa. Mhux tort tiegħi. Anki jekk jien m'jien xejn u m'jien ħadd, nixtieq nappellalek biex forsi xi darba tiltaqa' ma' l-oħrajn u forsi taraw kif nistgħu nsolvu dan il-ġenn. Inħalli f'idejk; nafda fl-għerf tiegħek u f'ta' l-oħrajn ukoll.

Għażiż Ġesu', xi tridni nagħmel? Jien se nirriżenja mill-grupp tiegħek ukoll. Kollox sew, lilek sallbuk għal dak li għidt u għal dak li għamilt. Ridt tibdel id-dinja imma nixtieqek tinnota li d-dinja baqgħet ma nbidlitx. Miniex nagħti t-tort lilek, tafx, imma l-fatti huma fatti. U għalkemm nagħmel parti minn tradizzjoni antika ta' martri fl-arena Rumana u anki fl-areni Komunisti, jien inzertajt bniedem dgħajjef. Ma writx l-istess demm forsi. Demmi nixtieq nerħih idur fil-vini ħalli nkun nista' nieħu ħsieb marti u wliedi. Naf li kont tgħid li min jiċħdek tispiċċa biex tiċħdu int ukoll, imma naf ukoll li int lest li taħfer. It-toqol qiegħed jagħfas wisq u, kif diġa' għidtlek, jien miniex ta' stoffa tajba. Ibus lis-salib li qatluk fuqu, imma minbarra li nibża' mis-salib inzertajt ma nemminx fl-erojiżmu. Għalhekk nippreferi nirtira ma' familti xi mkien fejn ma naf lil ħadd u ħadd ma jafni, 'il bogħod minn kull periklu. Nittama li tiltaqa' ftit ma' l-oħrajn li għandhom il-poter bħalek u tiddiskutu ftit is-sitwazzjoni attwali.

Għażiż Budda, se nagħlaq bik u l-aħħar riżenja se ngħaddiha lilek. Jien u nipprova nikseb in-nirvana u nobdi l-liġijiet tal-karma, qiegħed ninnota li fis-sitwazzjoni attwali dan hu prattikament impossibbli. Ċedejt, veru. Niskanta kif fil-profondita' ta' ħsibijietek u tad-dixxipli ħuti, għadna ma sibniex tarf ta' dan in-niket kollu. M'għadnix niflaħ. Bejnietna hawn wisq differenzi u se nibda nemmen li din hi sitwazzjoni mingħajr soluzzjoni. Għaldaqstant, minħabba li jien għandi familja x'nieħu ħsieb, se jkolli nissottometti r-riżenja tiegħi. Forsi anki int tiltaqa' mal-bqija u flimkien turuna x'għandna nagħmlu. Imma għalissa se noqgħod waħdi.

9 comments:

Arcibald said...

Bis-sens - ir-rezenja mir-religjonijiet kollha nahseb tkun l-aktar haga ghaqlija li jista' jaghmel l-uman fic-cirkostanzi, forsi jigi naqra f'tieghu u jibda jara min nuccali naqra iktar nadif.

Jekk trid taqraha, ktibt bloggata wara li qrajt din tieghek:
http://ajjut.blogspot.com/2006/03/immaina-ftit-2.html
Mhux ezattament fuq l-istess suggett, imma dderivata minnha.

Hsejjes said...

Blogg profond u jaghmel hafna sens.....(nisthajlek tghid int dejjem tghid affarijiet bis sens.... :))Nemmen li l-aktar nies tajbin u li ghandhom certu principji ta minn jghammirhom huma appuntu dawk li ma jipprattikawx ebda religjon.

Erezija said...

Għalkemm nħoss affinita mas-sentiment ta' din il-bloggata, nemmen li apparti affarijiet oħra li wħud minnhom huma ta' min jiċċelebrahom, r-reliġjonijiet huma wkoll espressjoni tad-diviżjonijiet li hemm fir-razza umana... i.e. li kieku ma kienx hemm reliġjonijiet il-bniedem ikollu jivvintahom.

Antoine Cassar said...

Vinjetta li dehret il-lum fil-gazzetta El País

Erezija said...

haqq għall-hamrun! twanny, għal min ma jifhimx bl-ispanjol ittraduci jekk joghgbok!!

Antoine Cassar said...

Skużani ereżija, billi l-Ispanjol jixbah ħafna lit-Taljan u t-test huwa qasir, ħsibt li l-vinjetta kienet se tinftiehem mingħajr problemi.

Mela:


-Ħa nipproponi lil Jaħvé u lil Allah li ta' l-inqas ikun hemm preċett komuni wieħed fir-reliġjonijiet tagħna.
-La toqtolx, nassumi.

Antoine Cassar said...

La qegħdin hawn, Manuel, xtaqt insaqsik xi ħaġa jekk ma jimportax.

Inti mort tara r-rappreżentazzjoni tal-Kertejker ta' Pinter il-wikend li għadda? (Jien sfortunatament ma kellix ċans). Jekk iva, tista' tgħidilna ftit x'deherlek minnha? Għoġbitek it-traduzzjoni? Taqbel mat-titlu Il-Kertejker, flok xi kelma oħra (ma nafx, bidillu per eżempju, imma forsi ma tfissirx eżattament l-istess)?

L-Imżebbel said...

Din aktarx hija l-aqwa bloggata li qatt qrajt mingħandek, jew għall-inqas, l-iżjed waħda li tfisser għalija.

Ir-riżenja minn kull reliġjon hija neċessarja għal ħafna raġunijiet. Fil-każ tiegħek, nimmaġina li l-akbar motivazzjoni għal din il-mossa taf tkun il-ħsieb liberu.

Fil-każ tiegħi hija iktar kwistjoni ta' ħelsien mit-taboos tal-moralità li tjassar u trattab il-moħħ, u anke, mill-aljenazzjoni li kull reliġjon bil-fors iġġib magħha.

Għaldaqstant f'għajnejja r-reliġjon hi theddida għall-eżistenza, u projbizzjoni fuq kull ħsieb li jwassalna biex nifhmu xi ftit aħjar min aħna, x'aħna u anke x'm'aħniex.

Ma nimmaġinax li int din wasalt għal din ir-riżenja ftit ilu. Jien minn dejjem nafek ta' din il-fehma. Kien proprju waqt dawk il-lezzjonijiet tiegħek, proprju 10 snin ilu, li jien kont twebbilt li nittanta naqbad din it-triq. Is-sens tax-xejn li jibqgħalek jaf ikun mill-ikrah, imma l-umiljazzjoni tat-twemmin fil-baħħ mingħajr ebda raġuni hija ferm iżjed ta' min jaħrabha.

Kif kien xieraq, maż-żmien din ir-riżenja wasslitni f'imkejjen differenti minn tiegħek, għax mingħandek tgħallimt ukoll biex fl-aħħar mill-aħħar naħseb biss b'moħħi. Madankollu din kienet waħda mill-iżjed affarijiet ta' fejda li qatt għaddew minni.

...Iżda wara r-riżenja, ma kien baqgħali xejn ħlief il-mument, ix-xejn u l-eżistenza issa dejjem iżjed bla sens u tifsira. U dik fil-fatt, hija wkoll forma ta' nawżja; li fiha nfisha m'hi xejn ħlief ir-riżultat donnu tabilħaqq aħħari, tat-taqbida fil-moħħ bejn l-esseri u x-xejn.

Imma żomm, le, mhux kollox mitluf. Kif fettilli nħarbex m'ilux:

"Nissokkta biħsiebi, bi hsiebi u kitbieti,
inxejjen fix-xejn dan ix-xejn ta' xejni."

L-Imżebbel said...

Is-sens tax-xejn li jibqgħalek jaf ikun mill-ikrah, imma l-umiljazzjoni tat-twemmin fil-baħħ mingħajr ebda raġuni hija ferm iżjed ta' min jaħrabha.

... u issa li forsi sibtha, inħoss li m'għandix għala nerġa' lura...