26.4.06

Popiol i Diament (2)


... inkomplu mal-bieraħtlura ...

Il-Ġimgħa l-Kbira. Ġesu' jmut mingħajr ħafna kuluri f'Varsavja. Ma nafx kif daħħluni minn bieb fis-sagristija tal-knisja ta' Sant'Anna u sibt ruħi fuq il-presbiterju. Maġenbi qassis ta' xi tmienja u għoxrin sena. Kulħadd għarkobbtejh. Kulħadd jitlob. Anki f'Varsavja jirrenjaw is-skiet u l-ġabra. Folla kbira ħafna timmedita l-mewta f'eta' żgħira ta' Ġesu'. Imbagħad jitfaċċa salib kbir ħafna ta' l-injam u tibda l-via sacra mat-toroq ta' Varsavja l-qadima. U l-folla tikber ma' kull kantuniera. L-istess il-kesħa. Il-folla timxi tgħaġġel wara s-salib.

Kważi kulħadd jimbotta u għaddej għal alla tiegħu. Hemm dat-turist Malti li moħħu biex jiġbed ir-ritratti. Ma tantx jidher li hu kredenti. Moħħu fil-kamra tar-ritratti mhux fil-ġrajja li qed tiġi ċċelebrata. Il-forzi ta' l-ordni jħeġġuk tgħaġġel jew iżżul min-nofs. Anki fil-mument sagru l-uniformi li titfaċċa quddiemi nħossha ddardarni. Allerġiku għall-uniformijiet tal-forzi ta' l-ordni, hi x'inhi l-okkażjoni. Fi Plac Zamkowy, taħt il-kolonna tas-sultan Zygmunt III, il-folla tieqaf tisma' b'attenzjoni kbira dak li jrid jgħidilhom iċ-ċelebrant. Qaluli li fl-imgħoddi, fiż-żminijiet il-Ħomor, dad-diskors kien ikun politiku ħafna, għax fil-Polonja l-politika u r-reliġjoni jimxu id f'id.

Ġesu' jmut mingħajr ħafna kuluri: mingħajr vari tal-kartapesta merfugħa mill-godlin tar-raħal; mingħajr irġiel jieħdu ego-trip libsin ta' ċenturjuni u Pilati; mingħajr ktajjen marbuta mas-saqajn; mingħajr wegħdi u drammi tal-passjoni.

Mingħajr marċi funebri. Lanqas dak ta' Chopin ma jdoqqu.

Kollox fis-skiet u fil-ġabra. Bħal dejjem. Bħas-soltu. Bħalma tgħallmet din l-art. Kollox fis-skiet. Kollox fil-ġabra.

Il-passjoni tindaqq xi mkien ieħor mhux fit-toroq ...


Fid-Dar ta' Nina Czerkies

Pereżempju hawn. Nina Czerkies attriċi Ukrajna. Ir-repertorju tagħha vast. L-istess bħat-talenti tagħha. L-istess bħal ġmielha minkejja t-tikmix jivjaġġa ma' wiċċha. L-appartament tagħha fil-qalba ta' Varsavja jbaqbaq bil-pittura u bil-mużika fuq il-vjolinċell ta' binha Ignacy hu u jistudja partitura fil-kamra ta' ġewwa nett. Bis-saħħa ta' żewġha t-tazza tal-vodka terġa' timtela mal-mument li tiżvojta. Nina taqbad il-kitarra u tibda tkanta l-kanzunetti tagħha fuq kliem ta' Aleksandr Sergeevich Pushkin. Għal mument titfaċċa bintha ta' ħdax-il sena b'manuskritt mimli poeżiji oriġinali, imma wara ftit titlaq lura tara t-televixin. Fil-kamra tal-pjanu nintefa' fuq sufan aħdar u Nina, akkumpanjata fuq il-pjanu minn żewġha, tkompli l-kunċert ad hoc.

Barra hemm il-kesħa. Xi l-ħdax ta' billejl Ignacy jitlobni naqralu 'Ftit Weraq minn Varsavja' u jirrekordjaha fuq mp3. Ħallejt ftit versi rrekordjati f'apparament xi mkien f'Varsavja. Aħna u nsuqu lura lejn id-distrett ta' Praga nieqfu quddiem uffiċċju tal-posta fi Triq l-Eġittu, l-istess uffiċċju li Kieslowski uża għas-Sitt Kmandament tad-Dekalogu tiegħu. Ninżlu mill-karozza u nittawlu fid-dlam minn ġol-bieb tal-ħġieġ.


Fl-ajruport ta' Frankfurt inħares lejn l-uċuħ ta' ħuti jistennew bla sabar l-ajruplan lejn il-Blata. Nirrealizza li f'temp ta' ħames sigħat se nkun meddejt riġlejja fuq tliet artijiet differenti. Bħal dejjem l-ajruplan jiżgiċċa l-Blata qabel jintelaq ħelu ħelu għal fuqha. Nirrealizza li qed nagħlaq kapitlu - kapitolett - ieħor u nistaqsi l-għala dan kollu. "Stajt tlajt s'Għawdex, baħnan, kienet tiġik orħos. Stajt mort weekend break f'waħda mil-lukandi five star fil-gżira ta' Kalipso. Stajt mort tħuf fil-widien, tilgħaq ftit ix-xemx qabel titqawwa. Stajt mort tikteb dwar ir-rebbiegħa Mediterranja. Minflok mort fil-griż, tistordi tqatta' għaxart ijiem tisma' lingwa stramba daqs ma nafx xiex, tiġri minn appartament għal ieħor ta' nies barranin li ma tafhomx minn Adam u li nsewk mal-mument li wassluk lura lejn fejn qgħadt. Kont tieħu gost tiltaqa' ma' sħabek l-emigranti li ġew itaffu ftit in-nostalġija; kont tintefa' quddiem San Ġwann tgerger kontra l-Gvern, tieħu birra jew Kinnie, u barra bid-daqq. Minflok mort iżżur l-oqbra tal-mejtin li dejjem toħlom bihom u taqra l-istejjer tat-tbatija. Hekk sew! Biex ma nsemmux li ħallejt lil min jistenna lejl u nhar. Ikber ftit, baħnan, dal-ġiri x'għadek tridu?"


Imbagħad jisbaħ il-jum ta' wara. Għadni bl-istampi griżi quddiem għajnejja. Wajda: Popiol i Diament. Fid-disgħa ta' filgħodu. U Czlowiek z Marmuru. Terġa' titfaċċa Nowa Huta.

Ikber ftit, baħnan, dal-ġiri x'għadek tridu?

1 comment:

Hsejjes said...

interessanti hafna. ;)