24.4.06

Popiol i Diament

Hawnhekk hawn l-impressjonijiet tiegħi, l-ewwel impressjonijiet tiegħi, ta' l-art ta' l-irmied u d-djamanti. Dak inhar, jiġifieri 2002, qajla kont noħlom li ftit snin wara kelli nerġa' nżur din l-art bi storja hekk imqallba u kbira. Kelli appuntament li did-darba żammejtu. Fiċ-ċimiterju ta' Powaski, f'Varsavja, hemm dan il-qabar griż.

Nimmaġina li x-xemgħa li xgħelt ilha li nħliet issa. Mhux minħabba x-xita fitta li baqgħet nieżla għal jiem sħaħ, imma għax iż-żmien jaħli x-xemgħat ukoll bħalma jaħlilek ħajtek u jtemmha. Id-diskors dwar il-mewt huwa prominenti ħafna f'din l-art. Il-mewt tal-Polonja, jew aħjar il-qtil tagħha grazzi għall-okkupazzjoni Nazista u l-liberazzjoni li waslet tard mill-Armata l-Ħamra, għadu fuq fomm ħafna nies li titkellem magħhom fis-salotti kollha kotba u ritratti ta' Wojtyla fl-aqwa tiegħu. Il-mewt ta' Wojtyla nnifsu. Il-qtil tal-Polonja mill-Partit tal-Ħaddiema Pollakki (sive Il-Partit Komunista), mill-Unjoni Sovjetika ta' Stalin u l-bqija. Il-Pollakki għadhom jitkellmu fuq dan kollu.

Fil-pjazza ewlenija tal-parti l-qadima ta' Varsavja poġġejna bilqiegħda nilagħqu ġelat nhar Sibt il-Għid wara nofsinhar. Il-mara bjonda, armla bi tliet ulied, qaltli li ħadd ma bata daqs il-poplu tagħha. "Ħares," qaltli hi u ġġerri ħarsitha mal-ħitan li jdawru l-misraħ, "Varsavja ġġarrfet kollha u ara, Varsavja reġgħet qamet fuq saqajha: b'ħafna tbatija u b'determinazzjoni kbira." Għiditlha li kien hemm pajjiżi oħrajn li ġġarrfu u reġgħu tqajmu imma ... mur fehemha ... dan hu l-pajjiż tat-tbatija u l-identita' kollettiva tiegħu tistrieħ fuq it-tbatija, u jekk il-kliem ma jaqax fuq it-tbatija, allura l-kliem hu vojt u fieragħ.


Mill-ġdid lejn Nowa Huta
F'Nowa Huta, nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħodu, bix-xita ddejqek. Hemm xi 2 km bejn il-Pjazza Ewlenija u l-fabbrika ta' l-azzar fil-quċċata, Huta im. Sendzimira (qabel imsemmija għal Lenin). Mal-ġnub, aktar ma toqrob lejn il-fabbrika, tara l-ħdura u l-ilma.

Int u nieżel lura lejn il-pjazza l-kbira fejn it-tramm idur ċirku fin-nofs fi triqtu lura lejn Krakovja l-antika bil-korvu jgħajjat b'ħanġra daqsiex, tiltaqa' mal-Knisja tal-Madonna ta' Czestochowa. Dakinhar, waqt li stennew lil Kristu jmut b'dirgħajh imberrħa, ġewni f'moħħi dawn il-versi ta' Thom Gunn:

I turn, hardly enlightened, from the chapel
To the dim interior of the church instead,
In which there kneel already several people,
Mostly old women: each head closeted
In tiny fists holds comfort as it can.

- "In Santa Maria del Popolo"

Tidħol, tbill subgħajk fil-fonti ta' l-ilma mbierek, trodd is-salib, tinżel għarkobbtejk jew tistenna fil-kju ħa tqerr dnubietek, tħares lejn il-kwadru tal-Madonna, tħares lejn il-kurċifiss, u fis-skiet u fil-ġabra titlob. Fis-skiet u fil-ġabra. F'din il-belt Komunista jispikkaw is-skiet u l-ġabra.

Imbagħad taqbad it-tramm numru erbgħa, lura lejn iċ-ċentru ta' Krakovja, tixtri s-suvenirs ta' l-injam: il-kavallier fuq iż-żiemel li jinżel ir-rampa waħdu, il-ferroviji ċkejkna bir-roti jduru, is-sħaħar ...


Intercity
Il-vjaġġ bl-Intercity bejn Krakovja u Varsavja jieħu xi tliet sigħat. Fil-vagun għall-pejjiepa niltaqa' ma' tliet irġiel oħrajn, idaħħnu sigarett wara ieħor bit-twieqi u l-bieb tal-kompartiment magħluqa. Naħlef li ma nerġax nivjaġġa f'vagun fejn hu permess it-tipjip. Dak tar-rokna qed iqalleb rivista soft-porn u jitbissem bħal imġewwaħ quddiem gabarre' mimli ikel bnin, ta' quddiemi qed jaqra artiklu dwar l-ewwel anniversarju mill-mewt ta' Wojtyla, ta' maġenbi l-ħin kollu jilgħab biċ-ċellulari. Il-waiter jgħaddi b'karretta u jagħtina kafe' u ċikkulata bix-xewqat sbieħ ta' l-Intercity.

Diffiċli nemmen il-kumbinazzjonijiet, imma erba' snin ilu, fuq l-istess vjaġġ, xiħadd minn Għawdex bagħatli messaġġ biex jara kif jien. Xi siegħa tren 'il bogħod minn Krakovja, l-istess xiħadd jibgħatli messaġġ biex jara kif jien. Qisu xi mument Kieslowskjan dan ... wara kollox, qegħdin il-Polonja.


In-nies l-oħra
Ftit qabel Pierre kien qed jippassiġġa fl-istess toroq. Varsavja. Bħalma ħafna Maltin, għallinqas dawk ta' epoka oħra, kienu jgħaddu għand Cordina għal kafe' u pasta kull darba li jidħlu l-Belt, tkun Varsavja tgħaddi għand Cafe Blikle. Għal min se jżur Varsavja: ixtri pasti u kejkijiet kemm trid meta tgħaddi għand Blikle, imma tmurx tiekol għandu l-għada ta' l-Għid. Għamilna lment u offrielna platt ieħor; minflok, tlaqna 'l barra.

U komplejt nisma' r-rakkonti tat-tbatija. U komplejt nittanta nifhem huwiex xi sindromu Pollakk dan. Ir-risposta ħadtha mingħand Malwyna. Malwyna telqet mill-Polonja (il-verb li użat kien 'ħrabt') meta kellha sittax-il sena. Ġisimha taha ħafna opportunitajiet. Biss biss ħaxxnet xufftejha ħa tkun sexy. Illum, dawn iż-żewġ xoffiet mimlija silikon (jew x'inhu) saru donnhom żewġ zalzettiet bojod li ħadd ma jaf ikewwes daqs il-Pollakki. Imma Malwyna mara sexy: bjonda, twila u mġissma. Ħadmet ta' mudella: Montecarlo, Milan, Pariġi ... il-krema ... b'xi mawra 'l hemm u 'l hawn lejn New York u dawk l-inħawi. Bilqiegħda fil-pjazza tas-suq ta' Kazimierz Dolny, fuq mejda fil-pub U Radka, Malwyna tgħidli li m'hawnx nies imdejqa aktar mill-Pollakki. "Hawn m'hawn xejn ħlief nies imdejqa. Kollox imdejjaq: ibda mill-irġiel irejħu l-vodka u spiċċa fit-temp griż u dejjem ċlampu." Malwyna daret id-dinja u fl-irġiel tifhem sew: raġel Pollakk jibdel il-mara ma' flixkun Zubrovka; raġel Taljan aħarbu ... kliemu ffjurit u dak t'hemm isfel dejjem irid; raġel Skandinavu ... ħmm forsi dawn l-aħjar. Tgħidli li l-Polonja mdejqa kienet u mdejqa tibqa', ma temminx li taħt l-irmied hemm id-djamanti.

Fit-tarf ta' Varsavja, fi blokk griż li jwerrċek ta' appartamenti b'arkitettura maħsuba biex tissodisfa l-istint estetiku tal-bniedem, jgħix it-Tabib Krzysztof Schreyer. Ċempilli filgħodu u stidinni għandu. Qalli li jqis lil Malta bħala t-tieni pajjiż tiegħu. Għand Schreyer doqt ftit cognac mill-Moravja (u kkonfermajt li l-cognac ma nħobbux) u qgħadt inħares lejn il-kwadri li jdawru l-ħitan ta' l-appartament fil-pjan terren. Fosthom kien hemm kwadri ta' artisti Maltin li qatt ma kont smajt bihom. Schreyer dam Malta tlettax-il sena: offerta ġeneruża tal-gvern Komunista Pollakk fi żmien l-istrajk tat-tobba. Kemm dam hawn tħabbeb ma' Francis Ebejer u ma' nies oħrajn magħrufa sew fuq il-Blata, fosthom il-Markiż li bena l-Mystique. Schreyer fakkarni fiż-żminijiet il-koroh li dak iż-żmien kienet għaddejja minnhom il-Polonja; fakkarni fil-liġi marzjali. Weġibtu li f'Malta ż-żminijiet ma kinux sbieħ lanqas u fakkartu fil-massmeetings "għal-liberta' u għas-solidarjeta'", fix-xemgħa mixgħula fit-tieqa b'solidarjeta' ma' Solidarnosc. Qalli li jaf bihom dawk l-istejjer imma pprefera jferra' n-nostalġija għax-xatt ta' Tas-Sliema. Illum it-tabib Schreyer jittraduċi l-letteratura għall-Pollakk, fost ix-xogħlijiet l-aktar magħrufa li qaleb hemm dan. Anki Schreyer għandu ritratt ta' Wojtyla fi gwarniċ tal-fidda.

Ftit lilhinn mit-triq fejn joqgħod Schreyer tgħix il-familja numeruża ta' Mario Galdames: Ċilen ammiratur ta' Salvador Allende li ħarab lejn l-Ewropa u spiċċa Varsavja. Il-familja Galdames għandha sitt itfal, fosthom vjolinista, pittriċi, attur u t-tlieta l-oħra għadhom imorru l-iskola. Barra kienet nieżla x-xita imma ġewwa qgħadna naraw il-vidjow ta' l-aħħar mawra ta' Senor Galdames lejn iċ-Ċili', ix-xemx tbaskat, il-kuluri vivaċi, it-tfajliet korpulenti u x'naf jien. Fl-istudju klawstrofobiku ta' Senor Galdames m'hemmx ritratti ta' Wojtyla. Minflok hemm wieħed ta' Allende u ieħor ta' Pablo Neruda.



Fl-Ajruport Frederik Chopin nipprova ninża' l-malinkonija Slava ħa nħalliha warajja.

4 comments:

sharonspiteri said...

Wasalt fit-3 Dekalog :) (Tista tkun int, with style... ahahahahahaha se toboghdni!) Kieslowski rocks... u hekk joghgbok irrispondi l-emails importanti li nibaghtlek ;)

Toni Sant said...

U mbagħad jigi xi ċuċ u jgħidilna li l-bloggijiet ħela ta' ħin!

Anonymous said...

"raġel Skandinavu ... ħmm forsi dawn l-aħjar."

Erezija said...

fakkartni f'krakovja oħra. għall-kapitlu li jmiss mela....