16.10.06

Kull bidu fih tmiem

Meta seħibna l-bloggej Mikiel Galea kien għaddej b'dawk il-bloggati-memorji tas-snin tmenin f'Malta ftakart ħafna fil-famuż Tigne', dakir-reġjun li għal numru ta' nies ta' l-eta' tiegħi u ftit akbar fisser il-bidu ta' karriera artistika li biż-żmien immaturat jew inbidlet f'xi ħaġa oħra b'xi mod relatata mal-bidu f'Tigne'.

Ngħid għalija, f'Tigne' rajt il-bidu ta' dak li kellu jkun il-perjodu ta' l-esperiment fit-teatru. Ma nistax ngħid li hemmhekk kien il-bidu ta' xogħli fit-teatru, imma l-idea ta' esperiment ħadet spinta kbira dakinhar li rsaqt 'l hemmhekk l-ewwel darba. Niftakar kont mort nara double-bill ta' Fredu Buttigieg; kien is-Sibt filgħaxija, kien it-30 ta' Marzu. Kif kien jiġri ħafna drabi f'dawk is-snin medjevali, mar id-dawl, jew aħjar inqata' d-dawl ta' kullimkien minbarra fejn kienu għaddejjin il-festeġġjamenti ta' Jum il-Ħelsien. Wara ħafna nistennew, id-dawl f'Tigne' ġie u d-double bill beda.

L-aħħar darba li dħalt fl-Ateatru ta' Tigne' kien meta tellajt double-bill tiegħi, xi l-1986, u għandi l-impressjoni li għalkemm il-kumpanija baqgħet għaddejja għal xi snin wara, il-post kien intuża l-aħħar dakinhar. Kien ġie attakkat u jidhirli anki maħruq. Snin wara ridt nuri lil grupp ta' studenti tat-teatru fejn kien dan l-Ateatru, mingħalija li kont se nurihom biċċa mill-istorja teatrali ta' Malta, u minflok sibt kanċell imsakkar b'katnazz daqsiex, xi żewġ pitbull terriers li jwerwruk malli jħarsu lejn u xejn aktar.


Mhux l-Ateatru biss għalaq il-bibien. Ħafna postijiet oħra għamlu bħalu. Propju riċentament għalaq il-bibien is-CBGB, il-lokal leġġendarju li mill-ftuħ tiegħu fl-1973, ħalla marka kbira fl-istorja tal-mużika Rock Amerikana. Fuq il-palk tas-CBGB daqqew il-leġġendi, imma għalija, dan il-klabb New Yorkiż, hemm assoċjati miegħu l-aktar iż-żewġ divi punk Amerikani Debbie Harry u Patti Smith. Kien propju f'dan il-lokal li dawn it-tnejn bdew il-karrieri tagħhom, bdew ir-rivalita' u l-mibegħda tagħhom lejn xulxin.

Imma kull bidu għandu tmiem, u s-CBGB xejn anqas.

4 comments:

Erezija said...

forever changes immanuel, forever changes... taċċetta l-impermanenza u tgħix kuntent.. insomma, pass wieħed lejn il-kuntentizza

Hsejjes said...

l-Ateatru.....,x'memorji! Yerma Tigne kollna ghamilniha hux?

sharonspiteri said...

issa minflok tohlom fuq il-passat *grin* mhux ahjar tghinni biex noholqu wiehed ghall-futur?

Immanuel Mifsud said...

noholqu futur? kif?