26.3.07

IL-KBIR GĦADU ĠEJ

Il-Ħeffa insapportabbli ta' (tmiem) l-essri
Ili ma nersaq 'l hawn ix-xhur. Dan bħad-dentist, la ma jkollokx xi tridu x'tersaq tagħmel għandu? Imma kien hemm xi ħwejjeġ li ridt nikteb dwarhom u, bejn il-muntanja xogħol li għandi, bejn l-għażż, bejn in-ngħas li sar jaqbadni mas-sitta ta' filgħaxija, bqajt nittratjeni. X'kien li ġabni lura? Nirċievi email mingħand xiħadd (Malti) minn Cambridge li, għalkemm l-intenzjoni kienet differenti, ġegħlitni nistħi li abbandunajt kollox u allura ... għaddejt waħda s'hawn qabel in-ngħas tassew jibda jsabbatli rasi mat-tastiera tal-kompjuter u nerġa' nibdel fehmti.
It-tmiem ta' l-essri. Snin ilu kont involut fi produzzjoni żagħżugħa tad-dramm "Boulevard" ta' Francis Ebejer. Kulma kelli nagħmel kien li nikteb il-lirika ta' xi nofs tużżana kanzunetti biex jiġu infilsati fid-dramm li kien inħadem f'St Francis Ravelin, illum it-torri ta' l-avorju tal-MEPA. Francis kien ikun hemm kuljum praċett, jidħol bil-karozza bajda qisha ajruplan li kellu, u jitlaq biss wara li jispiċċaw il-provi. Forsi kelli xi 18-il sena u kien ġie fuqi darba minnhom jitlobni kopja tal-lirika. U konna noqogħdu nitkellmu. Lejla minnhom qbadnieha fuq il-mewt u rrakkuntali anedottu dwar xi ħabiba tiegħu li kienet mardet u li ftit wara li rċieva l-aħbar ta' mewtha fil-kaxxa tal-posta sab ittra li kienet bagħtitlu ftit qabel mietet fejn qaltlu li kienet tħossha tajba. Il-ħajja mimlija ironija, kien qalli Francis. Ftakart f'dan l-episodju wara aħbar li rċevejt Jannar li għadda: Valda Melgalve, kittieba Latvjana, mietet ta' xi ħamsin sena. Iltqajt ma' Valda waqt seminar ta' ġimgħa f'Settembru li għadda. Mara ħelwa ħafna li għaddiet mill-kalvarju mdaqqas tagħha fi żmien meta l-KGB kellha interess speċjali fil-kittieba 'perikolużi' fl-Unjoni Sovjetika. Bqajna nikkorrispondu bil-posta elettronika u f'Novembru bgħattilha ritratt tat-tifel għax riedet tarah wara li ltaqgħet miegħu meta kienet hawn. Ittratenejt ftit u meta bgħattu rrispondietni li kellha problema żgħira f'għajnejha u ma setgħetx tarah sew. "Niktiblek qrib il-Milied." Fil-11 ta' Jannar Valda rikbet "l-irwiefen tal-lejl", biex nuża metafora ta' Doreen Micallef. L-email li kellha tiktibli dwar ir-ritratt tat-tifel baqgħet ma nkitbitx. U min jaf kemm affarijiet oħra riedet tikteb, u min jaf laħqitx kitbithom?
L-essri daqstant hu ħafif. Meta kont iżgħar kont nipprova nivviżwalizza l-ħsibijiet ta' kittieb, speċjalment dawk li jkunu għadhom ma nqalbux f'kitba. Xi jsir minnhom, tgħid, dawk il-ħsibijiet meta l-kittieb imut? Fejn imorru? Fejn jintilfu? Fit-tentattiv tiegħi li nivviżwalizza dak li mhux konkret, kont nimmaġina l-ħsibijiet bħal werqiet kbar li jaqgħu minn ras dak li jkun u mbagħad itiru mar-riħ. Imma issa kbirt, sirt ftit aktar ċiniku forsi, u din l-immaġinazzjoni nixfet. Bħal weraq li jaqa' mejjet minn mal-friegħi.
Dawk li ma jarawx is-sema
Mhux kulħadd jaraha s-sema. Hemm min qatt ma jħares lejha avolja jixtieq iħares lejn is-sħab, lejn l-istilel, lejn il-qamar. Hemm min irid jixxabbat ma' għolja inviżibbli biex forsi jilmaħ naqra nir. Hemm min, jum wara jum, jintebaħ li qiegħed iħares aktar lejn l-art milli lejn is-sema, u min jarah jaħsbu dejjem bil-geddum, jew dejjem qed ifittex xi teżor jiġri fl-art.
Min bħali jbati minn din il-kundizzjoni jibda jara l-ħajja tinbidel ftit ftit. Jibda jqabbel ir-ritratti ta' meta kien iżgħar ma' dawk li jidher fihom l-aħħar; jibda jqabbel it-tul tal-mixi li kien jagħmel ma' dak li jagħmel issa; jibda jġedded il-memorji ta' meta kien jimtedd, jagħlaq għajnejh, u jorqod sa l-għada filgħodu - u taqbdu ħasra għalih innifsu li dan kollu huwa biss volum ta' memorji li ftit ftit jibdew jintesew ukoll. Xi kultant jaqbdek id-daħq għaliex l-aktar affarijiet minn ewl id-dinja, minħabba din il-kundizzjoni, isiru ta' barra minn hawn. Xi kultant nistaqsi lili nnifsi x'se nagħmel la Kolja għad xi darba jipponta subgħajh 'il fuq mistagħġeb bil-forom tas-sħab, jew jurini ajruplan itir fil-għoli qisu traba tal-fidda. Xi kultant nistaqsi ħafna mistoqijiet, inkluża l-famuża "għala?"
Il-ħeffa insapportabbli ta' l-essri
se teħodni Sofija l-ġimgħa d-dieħla. Nixtieq nistrieħ daqsxejn mill-Blata. Nixtieq ma nismax aktar bil-perċentwali 'l fejn se jxaqilbu, u nixtieq ma nismax aktar bil-Belt Smart u lanqas nara "impressjonijiet artistiċi" tagħha. Xiħaġa tgħidli li Sofija isbaħ minn Smart. U nixtieq ma nismax aktar li Gonzi jaqbillu jara x'se jagħmel għax b'dir-rata se jmur isaħħan in-naħa tax-xellug ta' l-ispeaker u li Sant jaqbillu ma jibdiex jitbissem lejn il-kastelli jtiru fl-arja. Niġi altament nitnejjek, wara kollox.
U forsi ma narax aktar graffiti tat-tip "IL-KBIR GĦADU ĠEJ" viċin ħafna, anzi perikolożament viċin, it-tempji solari li jimmarkaw l-istaġun tar-rebbiegħa.
Forsi nistrieħ għal ftit jiem minn dan il-manikomju li ngħożżu bħala dari.

No comments: