2.3.06

Il-kilwa l-maqtula

Sarajevo
Issa għaddew għaxar snin minn mindu ntemm l-assedju fuq il-belt mitika ta' Sarajevo. Ħafna għadhom ixxukkjati sal-lum il-ġurnata; mhux bil-bombi nfushom iżda bil-fatt li kellu jseħħ dak li seħħ f'belt li kienet meqjusa bħala l-ħolqa bejn gruppi etniċi differenti li verament għexu flimkien għal ħafna snin f'armonija sabiħa. Jien ma nemminx li kienet armonija imposta mill-Komuniżmu ta' Tito, xhieda ta' dan in-numru kbir ta' familji mħallta. Anzi nemmen li d-diskors maħluq biex jirribatti dan kien sforz mill-Punent biex ikompli jsammar l-aħħar imsiemer fit-tebut tal-Komuniżmu. Imma dan argument li jitlob ħafna studju. Għalija, il-ħafna dokumenti ta' Sarajevjani ta' etniċita' differenti li dejjem jirreferu għal imgħoddi sabiħ ta' għaqda bejn gruppi diversi għandu piż importanti: dokumenti li jvarjaw minn studji ta' l-intellettwali sa referenzi verbatim minn nies komuni.

Madankollu, il-mostru tan-nazzjonaliżmu għolla rasu minn wara l-għoljiet, u kif jagħmlu dejjem il-mostri fl-istampi u fil-films, beżaq in-nar minn ħalqu. U n-nar jaħraq. U meta jkun hemm il-ħruq ikun hemm l-irmied u l-marki li jibqgħu jidhru sew. Sarajevo, illum, ma reġgħetx saret dak li kienet qabel minkejja li għaddew għaxar snin mill-aħħar samta li samtet lil din il-belt; minkejja l-kundanna mid-dinja għal dak li ġara, minkejja li wħud mill-ex-kapijiet għaddejin ġuri; minkejja l-bandiera l-ġdida.

Imbagħad hemm il-gwerra l-oħra li għadha għaddejja: il-gwerra tal-veritajiet li dejjem jikkumbattu bejniethom. Propju dan jidher biċ-ċar f'intervista li l-BBC għamel lil Slavko Jovicic, Serb tal-Bosnja. Anki jekk ikolli niddikjara s-simpatiji tiegħi lejn il-Bosnijaċi (jew kif inhuma magħrufin aktar il-Bosnijaċi Misilmin), il-kliem ta' dan Jovicic ma jistax jidħol minn widna u joħroġ sparat mill-oħra. Jovicic, bħal ħafna Serbi oħra, għadu sal-lum jemmen li dak li ġara kien sforz id-difiża Serba aktar milli aggressjoni.



Metafori
Jovicic jitkellem bil-metafori. Jgħid li gwerra, bħall-imħabba, titlob żewġ naħat: You must have two sides to wage war, as you have to make love. Tilef kilwa u tilef il-piż minħabba l-gwerra, u wieħed jippreżumi li qiegħed iwaħħal fil-Bosnijaċi.

Slavko Jovicic: No poet has the power to describe what I endured.

Jaf ikun hemm problema ta' interpretazzjoni f'din l-istqarrija: jekk Jovicic huwiex tal-fehma li l-ebda poeta m'għandu ħila jikteb l-uġigħ tiegħu, jew jekk jifhimhiex li l-ebda poeta m'għandu biss jipprova. Għax il-poeti għandhom il-ħabta li jiktbu fuq l-uġigħ ta' ħaddieħor, li jpinġuh fuq tila mimlija kliem biex ħaddieħor ikun jista' jarah sporġut. L-(est)etika titlob li l-poeti jagħmlu dan, anki jekk ikollhom jaffaċjaw stqarrija iebsa bħal ta' Jovicic. U jidhirli li din hija problema etika serja ħafna.


L-uġigħ irrakkmat
Jumejn ilu Adrian Grima nieda l-ktieb tiegħu Rakkmu: ġabra ta' poeżiji li nkitbu f'perjodu ta' għaxar snin li jirrakkmaw mudell ikkulurit - disinn b'taħlita ta' kuluri, esperjenzi mżewqa fil-ħajja ta' bniedem li għabba lilu nnifsu b'diversi impenji, li ħass id-dmir li jieħu responsabbilta', li ħass li għandu ċittadinanza doppja - Maltija għax inzerta li twieled u għex f'Malta, u planetarja għax jgħix fuq pjaneta li hija tiegħu. Ir-rakkmu magħmul minn ħjut differenti: l-osservazzjonijiet ħelwin tal-ħajja familjali (l-aktar taż-żewġ uliedu, imlaqqma "gwerriera qalbiena"); oħrajn inqas ħelwin tal-kronaka Maltija (il-partit, il-propaganda); sa oħrajn ħafna u ħafna inqas ħelwin ta' l-uġigħ Palestinjan, ta' l-uġigħ 'Klandestin' li jipprova jinħeba u jinħeba ma jistax. Adrian Grima jilqa' l-isfida etika u l-kilwa l-maqtula jirrikkmaha wkoll.

Waqt it-tnedija - ikkulurita - tal-ktieb, tkellem Walid Nabħan, Palestinjan li l-istorja ta' pajjiżu bagħtitu jfittex rifuġju f'Malta, li kkomunika dokument miktub minn Palestinjan ieħor (li ismu ma nistax niftakru) wara li qara l-verżjoni bl-Għarbi tal-poeżiji 'Palestinjani' miġbura f'Rakkmu. Niftakar il-kliem: "Ma nafx kif irnexxielek tiġbor ħamsin sena ta' uġigħ fil-poeżija tiegħek!"


Id-dmir tal-qarrej
Kittieb għandu dmir, jew numru ta' dmirijiet li, fost l-oħrajn, jimplikaw dmir għall-qarrejja. Ma jistax ikun li l-qarrej ma jitkellimx. Din hija (est)etika li trid tiffjorixxi anki hawn. Rakkmu huwa ktieb li jġiegħlek titkellem mhux taqra biss għax qiegħed jagħmel stqarrijiet serji ħafna. Id-dnub ikun jekk, biex nikkwota l-poeżija 'The Proof of the Pudding' f'dan l-istess ktieb:

Jekk ħadd ma jara xejn u ħadd ma jisma'
biż-żmien il-foga tgħib u t-trab jindara.

4 comments:

Jacques René Zammit said...

ghogbuni wisq dawn l-ahhar zewg linji. Nittama li t-trab ma jindara qatt.

Immanuel Mifsud said...

Nassigurak li hemm hafna sbieh bhalhom Jacques! :)

Immanuel Mifsud said...

Ridt nghid fil-ktieb imsemmi, ovvjament.

david said...

Irridu nkunu ahna lkoll li noholqu l-ambjent biex it-trab ma jindarax. Kemm Jacques kif ukoll Immanuel nahseb li qed jistinkaw biex jinholoq dan l-ambjent. U hemm ohrajn ukoll. Nistghu ma naqblux fuq hafna affarijiet imma rridu naghrfu li din hi sfida komuni.

Nittama li Rakkmu ma jdumx ma jasalli bil-posta.