3.1.07

Xi kultant, meta tkun marid,

...issib min imarrdek aktar

l-aħħar tas-sena...tiftaħ it-televixin, tiċċekkja l-istazzjonijiet Maltin: PBS u NET għadhom għaddejjin b'xi ġabra oħra - "varjeta'" imqanżħa, "kantanti" jistunaw daqs Fabrizio Faniello, żeffiena jżegilgu sormhom biex taparsi qegħdin jiċċaqilqu għat-temp ta' kanzunetta kerha. Preżentaturi li ma jafux jitkellmu minn taħt l-ilsien aħseb u ara fil-pubbliku. Smash TV hemm żewġt isħaħar li jafu jaqraw tant li anki l-futur tan-nies jafu jaqrawh. U raġel fin-nofs jilgħabha tax-xettiku. U preżentatur jitfixkel fil-mistoqsijiet tiegħu stess. Super One - dawn ukoll għadhom għaddejjin bil-ġbir tal-flus; mhux għall-imsejknin imma għalihom stess. Hemm ħamsa min-nies, jew sitta, bilqiegħda fuq sufan iffullat quddiem ħajt abjad, jitbissmu qishom boloh u jiddikkjaraw li dis-sena (2007) se jkollna gvern laburista ġdid grazzi għas-super one u l-flejjes li - jekk inhu veru li ġabruhom - huma garanzija li f'dal-pajjiż hawn ħafna sinjuri li ma jafux x'se jagħmlu bi flushom.


tista' tibda s-sena agħar minn hekk?!


... issib min itellagħlek id-deni aktar 'il fuq
il-partit nazzjonalista ħadha drawwa li għal żmien il-Milied iwaqqaf l-attivitajiet politiċi tiegħu. Kien hemm drabi meta kkritika li l-alter ego tiegħu talli m'għamilx bħalu. Biss, meta waslet l-istrina, Joe Saliba mar bil-pompa tipika tiegħu u ta' sħabu jippreżenta ċ-ċekk tal-PN lill-foqra u lill-batuti. Imma din mhix propaganda, u kulmin jaħseb li hi qiegħed jara dak li m'hemmx.

U trid tkun tassew beżżul li l-unika kwarta li għażilt li ssegwi l-istrina tinzerta lil Joe Saliba u l-PN.


...jiġri minn kollox biex ma tfiq qatt
kif qatt m'hu se jfiq dal-pajjiż. Webbluna nidħlu fl-Ewropa biex insiru Ewropej. Riduna ġewwa biex insiru 'bħalhom'. Riduna hemmhekk biex inħaddnu l-kultura Ewropea. Imma sadattant għadhom jagħmlu l-laqgħat sigrieti f'xi uffiċċju xi mkien f'xi palazz kollu ħġieġ jew f'xi ieħor nofsu mwaqqa', biex ixejnu kull possibilita' li xi darba, fil-klabb tagħhom fil-Palazz il-Belt, jidħlilhom xiħadd ieħor.

Il-Ħodor irrabjaw. Ma nafx il-għala. Ma nafx il-għala għadhom jittamaw li n-nanniet politiċi ta' dal-pajjż-għanqbuta għad jibdlu l-mentalita' tagħhom. Jien qtajt jiesi, forsi għax twilidt taħt stilla ċinika, forsi għax għandi raġun.

... tista' tispiċċa sena agħar minn hekk?


X'sefsift lit-tifel
Dakinhar li mort nirreġistra lit-tifel l-Insinwa sefsiftlu dal-kelmiet:

Nikol, illum sirt ċittadin tar-Repubblika.

Tajthom ismek biex raddewlek in-numru

li se jibqgħu jafuk bih sa ma tinxef.

Nikol, dir-Repubblika la tħobbhiex:

għallimha kif tħobb lilek qabel tħobbha;

għallimha tħares lejk bir-rispett kollu.

U meta ddejqek bħalma dejqet lili,

sib l-ewwel qoxra tgħum fil-wiċċ ta’ l-ilma

u salpa ’l hemm mingħajr ma tħares lura.



U aktar ma jgħaddi ż-żmien, u aktar ma jegħreq, u aktar ma jogħdos 'l isfel fil-meskinita' u fir-ridkolaġni u fl-assurdita' dal-pajjiż, aktar m'għandekx xi tridu. Kemm sħabi telqu 'l hemm. Ma ngħirx għalihom imma naf li għamlu sew. Hemm min iħobb iweġġa'.


kont ili
kont ili ma nersaq ' hawn. U ma nafx x'ġejt nagħmel illum. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar nintebaħ li dan kollu ħala ta' ħin. Imma ġejt. Ħlejt nofs siegħa milli m'għandix x'naħli. U ħlejtha doppjament għax tkellimt dwar xiħaġa li m'hemmx fejqan għaliha. Suppost għamilt xi lista ta' l-għaxar affarijiet li wegħidt lili nnifsi li nagħmel fl-2007; jew l-għaxar kotba li l-aktar ħadt gost naqra fl-2006... minflok ktibt dwar l-akbar ġerħa li bqajt inġorr fl-2006 u fl-2007 u ...

xi darba nirrakkonta l-istorja ta' pakkett kbir li ntilef idur minn xkaffa għal oħra fl-imħażen tal-Maltapost, u dwar wire tat-telefon li gerfex lill-Maltacom. Imma mhux illum, inkella nitlef it-togħma tal-panettone.











1 comment:

Toni Sant said...

Dan mhux ħala ta' ħin. Dan huwa meżż li bih aħna li nħobbuk nistgħu nitrejjqu b'aktar mill-kitba tiegħek. Kun af li s-sagrifiċċju tiegħek apprezzat...anke jekk forsi mhux kif bsart jew xtaqt int.

Sa kemm hemm il-ħajja hemm it-tama, għażiż tiegħi.