8.5.07

Il-ħalq toqba ...

... u allura jrid jinsadd

Joseph Chetcuti huwa avukat Malti li ma nafx meta emigra lejn l-Awstralja. Qatt ma ltqajt miegħu, imma xi xhur ilu bagħatli email dwar il-kotba tiegħi. Fil-Milied bagħatli kartolina wkoll. Għamel ħoss kbir fuq il-blata għaliex għaxar snin ilu kiteb Il-Ktieb ir-Roża, sa fejn naf jien l-ewwel ktieb f'Malta li jitkellem fuq l-omosesswalita' - żgur li l-ewwel ktieb f'Malta dwar l-omosesswalita' miktub minn omosesswali.

Joseph Chetcuti reġa' kitibli xi jumejn ilu; kitibli biex jilmenta li safa ċċensurat. Kien se jagħti paper dwar il-letteratura Maltija u l-kunsill Malti fl-Awstralja - il-kunsill Malti - iċċensurah. Anzi mhux iċċensurah: għalaqlu ħalqu.

Il-ħalq toqba, u t-toqob qegħdin hemm biex jinstaddu.

L-istorja ta' Chetcuti u l-ħalq misdud issibuha hawnhekk. Skond l-artiklu, il-kunsill Malti f'Victoria ma riedx li tiġi ppreżentata l-paper għal raġunijiet reliġjużi, għax qal li l-paper ma kellha x'taqsam xejn mal-letteratura. Is-sabiħa hi li l-kunsill ma qrax il-paper!

Il-ħalq toqba, u t-toqob qegħdin hemm biex jinstaddu.

Ma nistax ma niftakarx il-kjass li sar sena ilu għax il-Misilmin ħadu għalihom bil-karikaturi tal-Profeta. U lanqas ma nista' ninsa li kellna xi illustri jiktbu fuq l-internet u jippubblikaw l-istess karikaturi fuq is-siti personali tagħhom biex jiddandnu li jemmnu fil-liberta' tal-kelma. U lanqas ma nista' ninsa li dawn it-talin serrħu rashom li aħna Ewropej, mhux Għarab, mhux Misilmin, u bħala Ewropej aħna - de facto - nemmnu fil-liberta' tal-kelma. Ma nistax ninsa.

Qed insemmi r-reliġjon għax skond l-artiklu li rrapporta l-istorja ta' Chetcuti hemm ordni reliġjuż marbut mas-sadd ta' ħalq l-avukat Malti.



L-għanja ta' l-emigrant

Imma x'inhu li jbeżża' tant lill-kunsill Malti ta' Victoria u lill-ordni reliġjuż li mid-dehra huwa tant influwenti?

Hemm xiħaġa fl-emigranti tagħna. Donnu li ħafna minnhom iġorru l-istampi pittoreski ta' Marsaxlokk, jew il-pitturi ħelwin ta' Caruana Dingli tan-nisa bil-faldetta, u jistħajluhom perpetwi. Qisu n-nostalġija lejn pajjiżhom tahielhom Dun Karm, l-istess Caruana Dingli, u l-bella kumpanija. Niftakar liz-ziju Manwel ġej għall-btajjel minn Londra u kif jitfaċċa fl-arrivals kien jiġbidlek għajnejk mhux wiċċu jew surtu imma s-salib tal-kavallieri daqsiex imdendel m'għonqu, jew Frans ta' Berta l-Kerha jistagħġeb li f'Malta "daħlu d-discos ta' tard billejn". Iridu jħallu l-illużjoni ta' pajjiżhom il-fior del mondo, il-gwerriera ta' wiċċha roża u mfaqqa' tisħaq ras it-Tork.

U allura tista' tifhem l-għala Joseph Chetcuti - attivist omosesswali - jispiċċa iċċensurat. Mela f'Malta għandkom il-gays? Mela f'Malta jiktbu l-poreżiji u n-novelli fuq il-gays? Mela Malta tista' qatt titlef il-boxxla jew? Mela lill-emigrant Malti, li għad għandu t-togħma tal-pastizz f'ħalqu, se ngħidulu li hemm min ma jħobbx il-pastizzi? Jew se ngħidulu li Malta saret parti mid-dinja jew? Anzi, ngħidulu li Malta għadha bla divorzju mhux bħall-Owropa! Anzi, ngħidulu li Malta għadha Nisranija, u issa se ssir aktar għax se jkollha l-ewwel qaddis! Anzi, ngħidulu wkoll li ta' l-Owropa qed jittieħdu minn Malta fuq il-liġijiet tad-divorzju, ta' l-abort, taż-żwiġijiet raġel ma' raġel u mara ma' mara: ħarsu lejn il-Polonja!

Min il-qaħba hu Chetcuti?



Inti djamant, f'nofs il-Mediterran

2001, Pariġi. Xiħadd ma nafux qiegħed jaqra traduzzjoni Franċiża ta' l-istorja tiegħi Ruby. Ninsabu f'sala ppakkjata sa ruħ ommha. F'nofs il-lejla nintebaħ li l-maġġoranza tan-nies huma emigranti Maltin li tefgħu l-ankri Pariġi wara li salpaw jew minn Marsilja jew minn Algiers. Uħud minnhom lanqas biss qatt ma resqu lejn Malta imma f'subgħajhom hemm is-salib bi tmien ponot. Oħrajn mhux żgur jafu fejn tiġi din il-gżira imma jħossuhom Maltin daqsi li xbajt ngħix fuqha. Wara li tinqara l-istorja jkun hemm xi żewġ interventi oħrajn, imbagħad bibita. Jersqu fuqi nies li ma nafhomx minn Adam u jitolbuni nkellimhom bil-Malti, hekk biex jisimgħu l-mużika ħelwa tal-lingwa li xi darba minn jaf kemm dagħa biha buż-bużnannuhom. Qed infittex lit-traduttriċi ħalli nirringrazzjaha tax-xogħol li għamlet.

Imbagħad tgħidli li lill-Maltin li kienet taf hi ma qrathielhomx l-istorja. "Ma ridtx nirvinalhom l-idea li għandhom ta' Malta." Hekk qaltli. L-istorja tiegħi kienet se tistupralhom dik il-mara ta' ħaddejha roża li pitter Caruana Dingli, dik il-bidwija ta' ġenbejha kbar u sidirha jitbandal li saħan għaliha Dun Karm fl-għelieqi mhux mittiefsa fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ. Ruby ma tilbisx il-faldetta, anzi tagħmel l-istrip tease fil-garaxx fgat bir-riħa tal-kannabis. Mela allura, Ruby mhijiex Maltija.


Dottor Chetcuti

Dottor Chetcuti, qed tippretendi wisq, ruħi. Aħna nemmnu fil-liberta' tal-kelma, dażgur li nemmnu. Imma int qed tippretendi wisq. Int libertinaġġ trid mhux liberta'. Eeee, issa dik storja oħra. X'għandha x'taqsam il-letteratura Maltija mal-ktieb ir-roża tiegħek? Tħawwadniex tafx! Tħawwadniex! Mela għax tħawdet id-dinja kollha se nħalluk tħawwad lil Malta jew?


post scriptum

Dottor Chetcuti, meta se naqraw din il-paper oxxena tiegħek? Issa, qabbadtna l-kurżita'!

4 comments:

gybexi said...

L-immigranti huma generalment nies li kellhom certa eta' (bejn 20-40 sena) u allura diga kellhom fehmiet ankrati fl-opinjonijiet konservattivi tal-pajjiz minn fejn telqu.

Jien nara l-kwartieri torok hawn (li huma simili ghall-irhula maltin) u nghodd kemm nara "hipsters" jew nies "differenti" Torok. Rajt wahda fi tlett snin. Zgur kont nohrog mill-ghetto qabel ma nghalaq it-18... sahansitra naf wahda torka minn Rotterdam li marret tghix Istanbul ghax hemmhekk iktar progressivi n-nies milli t-Torok ta' Rotterdam.

Meta titlaq ghandek freeze-frame. U jekk m'ghandekx, toholqu int...

Anke hawnhekk kulhadd bil-bnadar u l-posters ta' pajjizhom fl-ufficju.

Jekk m'ghandekx kommunita' ohra internazzjonali (per ezempju l-komunita' tal-kittieba jew tal-muzicisti jew hekk) ser tiggranfa mal-lowest-common denominator biss... il-pajjiz imnejn gejtu...

Roderick Mallia said...

...naf wahda torka minn Rotterdam li marret tghix Istanbul ghax hemmhekk iktar progressivi n-nies milli t-Torok ta' Rotterdam.

Istra. Interessanti din gybexi.

Erezija said...

aktarx li anke Malta stess kien ikollu problema jipprezenta dan il-paper. forsi mhix biss problema ta' l-emigranti Maltin izda tal-Kunsill tal-Malti li forsi huwa mmexxi minn nies konservattivi minghajr vizjoni wiesgħa ta' l-arti, u l-litteratura fuq kollox

Gattaldo said...

Dan x'kien ma semmejtx liema hi din l-ordni religjuza tant potenti, Manuel? Jien ukoll nixtieq naqra dak li tant xtaqet tahbi minni u minnek. Forsi Dr Chetchuti jista jghaddijilna.